Aktar minn miljun u tliet mija u ħamsin elf ruħ qasmu l-fliegu bejn Malta u Għawdex fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet.
Dan ifisser żieda ta’ tnejn punt sitta fil-mija meta mqabbel mal-aħħar kwart tas-sena 2018.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wriet li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, Ottubru kien l-aktar xahar li ra passiġġieri jaqsmu bil-baħar bejn Malta u Għawdex.
Fil-fatt f’dan ix-xahar qasmu ferm iżjed minn nofs miljun passiġġier, li kien ifisser ukoll ftit aktar minn disgħa u tletin fil-mija tal-ammont kollu ta’ nies li vjaġġaw bejn Malta u Għawdex.
Meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel, anki n-numru ta’ vetturi li qasmu l-fliegu żdiedu.
Fil-fatt l-ammont ta’ vetturi laħħaq kważi erba’ mija u sitta u għoxrin elf, li jfisser żieda ta’ kważi sebgħa fil-mija.
L-ammont ta’ vjaġġi fir-raba’ kwart tal-elfejn u dsatax kien ta’ ftit aktar minn seba’ t’elef u sitt mija, wieħed u tletin punt ħamsa fil-mija iktar mir-raba’ kwart tal-2018.
Intant fuq medda ta’ sena, l-elfejn u dsatax rat ukoll żidiet sinjifikanti.
In-numru ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu tela’ bi kważi mija u sittin elf jew tnejn punt tmienja fil-mija.
Fl-ammont ta’ moviment bejn Malta u Għawdex, il-vjaġġi żdiedu b’aktar minn erba’ t’elef jew sbatax fil-mija, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Il-moviment tal-karozzi bejn iż-żewġ gżejjer żdiedu bi ftit aktar minn mija u tlieta u għoxrin elf.
Li jfisser żieda ta’ sebgħa punt erbgħa fil-mija fuq is-sena 2018.
Kif mistenni, Awwissu kien l-aktar xahar bieżel matul is-sena l-oħra, fejn b’kollox matul dan ix-xahar sajfi kien hemm elfejn u tmien mitt vjaġġ.
L-aktar jiem bieżla għaċ-Ċirkewwa kienu l-Ġimgħa u s-Sibt filwaqt li l-port tal-Imġarr Għawdex ra ħafna passiġġieri, is-Sibt u l-Ħadd u l-akbar ammont ta’ karozzi sejrin lejn Malta fil-jiem tal-Ħadd u t-Tnejn.