Tul l-2018 pajjiżna ra żieda ta’ kważi dsatax fil-mija fil-produzzjoni tal-akwakultura fuq is-sena ta’ qabel.
Dan ħareġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn qalet li minn studju li sar fost l-intrapriżi li joperaw fis-settur, mill-industrija tat-Tonn u speċi oħra laħqet produzzjoni ta’ kważi €240 miljun.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-produtturi tal-akwakultura, Charlon Gouder laqa’ din iż-żieda li fi kliemu kompliet tikkonferma li l-prodott ta’ pajjiżna huwa fost l-aktar imfittex fid-dinja.
Gouder sostna:“Ninnutaw b’sodisfazzjon ir-riżultati maħruġa mill-NSO fejn juru bl-aktar mod ċar illi Malta żiedet f’termin ta’ esportazzjoni. Żiedet f’esportazzjoni partikolarment fenj jidħol l-industrija tat-tonn għax malta għandha isem ta’ reputazzjoni tajba fost il-pajjiżi ġganti barra minn pajjiżna.”
Gouder qal ukoll li dan huwa frott tal-għaqal tal-operaturi li qed joperaw f’pajjiżna. Huwa temm jgħid: “Naħseb dan l-isem ta’ reputazzjoni tajba ġej mill-fatt li matul iż-żmien l-operaturi u l-industrijalisti għarfu jibnu industrija li l-ebda pajjiż ieħor ma rnexxielu jibni.”
Sostna li bħal ma ġara fix-xhur li għaddew l-operaturi għandhom jibqgħu jinvestu sabiex ikomplu jieħdu ħsieb l-ambjent ta’ madwarhom b’mod partikolari l-baħar u l-kosta.