Stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol laħqu kważi 240,000. Dan ifisser żieda ta’ 15,000-il impjieg meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena li għaddiet.
LABOUR FORCE SURVEY
LULJU – SETTEMBRU 2018 – 239,544
LULJU – SETTEBRU 2017 – 224,346
ŻIEDA TA’ 15,198
Miċ-ċifri tal-istħarriġ jirriżulta li aktar minn 204,000 ruħ għandhom impjieg full-time waqt li aktar minn 35,000 oħra għandhom xogħol part time. Fil-fatt l-impjiegi full-time żdiedu bi kważi 13,000 waqt li dawk b’impjieg part time żdiedu b’aktar minn 2,000 ruħ.
LABOUR FORCE SURVEY
B’IMPJIEG FULL TIME
LULJU – SETTEMBRU 2018 – 204,494
LULJU – SETTEBRU 2017 – 191,549
ŻIEDA TA’ 12,945
L-istħarriġ wera wkoll li kważi 14% tal-persuni fis-suq tax-xogħol jaħdmu għal rashom.
Dwar il-pagi, l-istħarriġ tal-NSO sab li bħala medja, is-salarju tal-ħaddiema żdied b’aktar minn elf ewro u qabeż id-€19,000 fis-sena. Il-Labour Force Survey juri wkoll li l-pagi tal-ħaddiema jvarjaw minn kważi €33,000 għal pożizzjonijiet maniġerjali għal kważi €11,700 għal ħaddiema bl-inqas paga.
LABOUR FORCE SURVEY
IS-SALARJU MEDJU TAL-ĦADDIEM BEJN LULJU U SETTEMBRU
2018 – €19,076
2017 – €18,064
Mill-istħarriġ joħroġ ukoll li l-persuni meqjusa qiegħda jgħoddu ftit aktar minn 9,000 ruħ, jiġifieri 2.2 fil-mija tal-ħaddiema. Żied jingħad ukoll li kważi 162,000 ruħ huma meqjusa li mhumiex attivi fis-suq tax-xogħol.
L-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika sab ukoll li ftit aktar minn 52% tal-Maltin li għandhom aktar minn 15-il sena, huma kkunsidrati li għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni għax għandhom inqas minn ħames ċertifikati fil-livell ordinarju. Mill-banda l-oħra kważi 31 fil-mija ta’ dawk li għandhom xogħol għandhom edukazzjoni terzjarja.