F’Novembru għaddew 405,724 passiġġier mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Żieda ta’ 55,000 jew 15.8% fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet.
Dan jagħmel lil Novembru l-erbatax-il xahar konsekuttiv li rreġistra tkabbir b’żewġ ċifri fejn jidħol in-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport.
Dan in-numru rekord ta’ passiġġieri għal Novembru kien osservat b’mod parallel ma’ żieda ta’ 18.1% fil-movimenti tal-ajruplani u titjib ta’ 19.2% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet.
L-aqwa ħames swieq għal dan ix-xahar kienu responsabbli għal aktar minn nofs it-total tal-movimenti tal-passiġġieri għal Novembru. B’aktar minn 100,000 moviment tal-passiġġieri, ir-Renju Unit kien fil-quċċata tal-lista, segwit mill-Italja, il-Ġermanja, Franza u l-Belġju. L-ewwel erbat iswieq kollha rreġistraw tkabbir meta mqabbel ma’ Novembru tal-2016.
L-akbar żieda ta’ passiġġieri f’Novembru ġiet mis-suq Pollakk, li kiber b’76.3% fuq is-sena ta’ qabel. Din iż-żieda qawwija rriżultat minn bosta fatturi fosthom żieda fin-numru ta’ titjiriet fuq ir-rotot ta’ Gdansk, Krakow u Wroclaw. Swieq oħrajn li esperjenzaw titjib notevoli li rriżulta minn skeda ta’ titjiriet imtejba u allokazzjoni ta’ aktar kapaċità jinkludu t-Turkija, l-Awstrija u l-Olanda.