Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Marzu li għadda l-impjiegi full-time żdiedu b’6.1% meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena li għaddiet. Dan ifisser li sal-aħħar ta’ Marzu li għadda, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna qabżu l-215,000 ruħ.
Skont iċ-ċifri pprovduti minn l-Aġenzija tax-Xogħol JobsPlus jirriżulta li bejn Marzu tal-2018 u Marzu tal- 2019, l-impjiegi fis-settur privat żdiedu bi 11,558 ruħ.
Iċ-ċifri juru li l-ħaddiema fis-settur privat telgħu għal 166,278 ruħ filwaqt li fis-settur pubbliku kien hemm ftit aktar minn 47,000 ħaddiem.
L-NSO żied jgħid li l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom komplew jiżdiedu wkoll tant li f’dan il-perjodu żdiedu b’xejn anqas minn elf sitt mija u dsatax.
L-istatistika turi wkoll li waqt li s-suq tax-xogħol kellu żieda totali ta’ aktar minn 12,300 impjieg full-time, fl-istess waqt il-persuni jirreġistraw għax-xogħol naqsu b’182.
Joħroġ ukoll li s-suq tax-xogħol kellu wkoll żieda ta’ ħaddiema rreġistrati b’xogħol part-time.
Mir-rekords amministrattivi joħroġ li bejn Marzu tal-2018 u Marzu li għadda, kien hemm ftit aktar minn 28 elf u sitt mitt ruħ li kellhom impjieg full-time u part-time waqt li kważi 35,000 oħra kellhom part-time biss bħala x-xogħol regolari tagħhom.