Sal-aħħar ta’ Diċmebru li għadda, il-persuni fis-suq tax-xogħol f’Malta laħqu kważi mitejn u erbgħin elf persuna (239,427) jaħdmu bi qligħ. Dan joħroġ mill-aħħar stħarriġ dwar is-suq tax-xogħol, magħruf bħala, il-Labour Force Survey li jsir mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
L-istħarriġ wera li l-impjiegi bejn Ottubru u Diċembru li għadda żidedu bi 12,260 jew b’5.4 fil-mija meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2017.
Minn dan l-istħarriġ jirriżulta wkoll li ftit aktar minn 8,700 jew ftit aktar minn tnejn fil-mija huma qiegħda waqt li kompla nieżel ‘l isfel l-għadd ta’ persuna meqjusa bħala inattivi għax ma jaħdmux bi qligħ. Ir-raġunijiet ewlenin għall-inattività huma marbuta ma’ persuni li laħqu l-età tal-irtirar jew skemi ta’ rtirar kmieni.
L-istħarriġ wera wkoll li bħala medja s-salarju bażiku annwali tal-ħaddiema f’Malta kien ta’ €19,036, jiġifieri €773 aktar mill-istess perjodu s-sena li għaddiet li kien jammonta għal €18,263.
Fost il-popolazzjoni li taħdem, kważi tletin fil-mija (29.6%) għandhom edukazzjoni f’livell terzjarju waqt li 51.4% għandhom edukazzjon f’livell sekondarju jew livell baxx ta’ edukazzjoni għax għandhom inqas minn ħames ċertifikati tal-O-level.