Matul is-sena li għaddiet, l-istudenti barranin li ġew jistudjaw l-Ingliż f’pajjiżna jgħoddu kważi tmienja u għoxrin elf student.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Dan ifisser li meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, jiġifieri l- 2020 kien hemm żieda iżjed minn 11,300 student, li ġew jistudjaw l-Ingliż f’pajjiżna. Din tfisser żieda ta’ kważi 69 fil-mija, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Skont l-NSO, l-iżjed studenti li ġew jistudjaw f’pajjiżna s-sena li għaddiet kienu minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif l-ikbar ammont ta’ studenti li segwew korsijiet tal-Ingliż f’Malta kienu Taljani.
Wara t-Taljani jsegwu l-Franċiżi u l-Pollakki.
L-iżjed grupp ta’ etajiet ta’ studenti li ġew jistudjaw l-Ingliż f’pajjiżna kienu dawk li għandhom bejn 18 u 25 sena u warajhom dawk l-istudenti li għandhom inqas minn 15-il sena. Dawn bejniethom jammontaw għal kważi 49 fil-mija.
Is-sena li għaddiet, ix-xhur l-aktar beżlin għall-iskejjel tal-Ingliżi kienu dawk ta’ Ġunju u Lulju.
Skont din l-istatistika tal-NSO, l-għalliema tal-Ingliż li jgħallmu f’dawn l-iskejjel jammontaw għal 475, waqt li l-maġġoranza tagħhom huma nisa.