Matul Settembru li għadda, is-suq tax-xogħol f’pajjiżna kompla jagħti riżultati pożittivi ħafna b’ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika juru żieda ta’ kważi 12,000 ruħ b’impjieg full-time jew 5.7% meta mqabbel mal-istess xahar fuq l-2018.
L-NSO qal li f’Settembru li għadda, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol telgħu għal ftit aktar minn 223,000 ruħ.
Qal li l-akbar żieda ta’ impjiegi full-time kienet irreġistrata fis-suq tal-kostruzzjoni bi kważi 1,900 impjieg ġdid.
Din kienet segwita bi kważi 1,700 impjieg ieħor fil-qasam tas-servizzi.
Żiedet oħrajn ġew irreġistrati fil-qasam tal-manifattura bl-impjiegi f’dan is-settur jitilgħu għal aktar minn 22,000 u s-settur tal-bejgħ li laħaq kważi 28,000 ħaddiem.
L-NSO żied jgħid li l-ħaddiema rreġistrati full-time fis-settur privat żdiedu bi kważi 11,000 ħaddiem u telgħu għal madwar 173 elf ruħ.
Il-ħaddiema fis-settur pubbliku żdiedu bi ftit aktar minn elf u telgħu għal ftit aktar minn 48,000 u 500.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li kien hemm żieda ta’ kważi 1,400 ruħ li bdew jaħdmu għal rashom f’diversi oqsma tal-ekonomija Maltija meta mqabbel ma’ Settembru tal-2018.
B’rata ta’ 6.3 fil-mija, iż-żieda ta’ ħaddiema nisa fis-suq tax-xogħol kienet akbar minn dik tal-irġiel li laħqet il-5.4%.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li dawk li kellhom impjieg full time u miegħu impjieg part-time qabżu t-30,000 ruħ, li kienet tfisser żieda ta’ 10.6%. Dawk li kellhom impjieg part-time biss telgħu għal 36,700 ħaddiem, żieda ta’ kważi 3% fuq Settembru 2018.