Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Ottubru li għadda l-impjiegi full-time żdiedu b’6.1 fil-mija meta mqabbel ma’ Ottubru tas-sena li għaddiet. Dan ifisser li sal-aħħar ta’ Ottubru, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna laħqu kważi mitejn u ħdax-il elf ruħ.
Skont iċ-ċifri pprovduti minn l-Aġenzija JobsPlus jirriżulta li bejn Ottubru tal-2017 u Ottubru li għadda, l-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’10,873 ruħ.
Iċ-ċifri juru li l-ħaddiema fis-settur privat telgħu għal mija wieħed u sittin elf, sitt mija tliet u sittin filwaqt li fis-settur pubbliku kien hemm ftit aktar minn 47 elf ħaddiem.
L-NSO żied jgħid li l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom komplew jiżdiedu wkoll tant li f’dan il-perjodu żdiedu b’xejn anqas minn elf erba’ mija u wieħed u tletin.
L-istatistika turi wkoll li waqt li s-suq tax-xogħol kellu żieda totali ta’ aktar minn 12-il elf impjieg, fl-istess waqt il-persuni jirreġistraw għax-xogħol naqsu b’529.
Joħroġ ukoll li s-suq tax-xogħol kellu wkoll żieda ta’ ħaddiema rreġistrati b’xogħol part-time. Mir-rekords amministrattivi joħroġ li bejn Ottubru tal-2017 u Ottubru li għadda, kien hemm ftit aktar minn 28 elf ruħ li kellhom impjieg full-time u part-time waqt li 35 elf oħra kellhom part-time biss bħala x-xogħol regolari tagħhom.