Il-miżuri li daħħal il-Gvern fl-aħħar snin bil-għan li joħloq kuxjenza akbar dwar mezzi alternattivi ta’ trasport qiegħda tħalli l-frott mixtieq hekk kif f’dawn l-aħħar tliet snin Transport Malta kellha żieda ta’ madwar 10,000 mutur fit-toroq Maltin.
Dan wara li l-miżura li daħħal il-Gvern fil-baġit ta’ tliet snin ilu li permezz tagħha, sewwieqa liċenzjati biex isiqu karozzi, setgħu jibdew isuqu muturi żgħar wara li jkunu segwew kors ta’ taħriġ.
Ċifri li kiseb ONE News minn Transport Malta juru li matul is-sena li għaddiet biss kienu aktar minn 4,000 ruħ li ġab l-liċenzja biex isuqu mutur b’magna 125cc.
F’intervista ma’ ONE News, l-uffiċjal ta’ Transport Malta Gilbert Agius spjega li fl-aħħar 3 snin kien hemm żieda ta’ bejn 3000 u 4000 mutur fis-sena.
Agius stqarr magħna li “Kull sena qed jiżdiedu ’l fuq minn tlieta jew erbat elef mutur. Dan ifssier li f’dawn l-aħħar 3 snin kellna żieda drastika ta’ 10,000 mutur. Jiġifieri n-nies qed jippreferi li jixtru mutur milli jagħżlu li jixtru vettura”.
Is-Sur Agius qal li sa Lulju ta’ din is-sena f’pajjiżna hawn irreġistrati 392,000 liċenzja ta’ vetturi u karozzi bi 28,000f minnhom ikunu muturi.
Żied jgħid li bis-saħħa ta’ inċentivi li daħlu fil-baġit għal din is-sena, in-numru ta’ muturi elettriċi rdoppja fi tliet snin għal 106 muturi.
Dan grazzi għal skema fejn min jagħżel jixtri mutur li jaħdem bl-elettriku jingħata rifużjoni ta’ 400 ewro.
Agius tenna li “Għamilna skema kemm għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku u kemm għall-muturi fejn qed nagħtu 400 euro għal kull min jixtri mutur li jaħdem bl-elettriku u għalhekk aħna dejjem qed ninċentivaw u nagħmlu dak kollu possibbli biex dak li jkun jixtri mutur li ma jaħdimx bil-petrol imma jaħdem bl-elettriku”.
Konxji ta’ din iż-żieda, is-Sur Agius saħaq dwar l-importanza tas-sigurtá meta wieħed isuq il-mutur.
Agius temm jispjega: “Jiġifieri x’tilbes meta ssuq il-mutur għax dan mhux bħal meta inti ssuq karozza. Li dejjem trid tilbes il-helmet, ingwanti, ġkieket, żarbun appropriate sewwa jiġifieri ma tistax issuq bis-sandli sewwa. Anke meta ssuq il-mutur. Dejjem għandek tara fil-mirja sewwa l-vetturi x’qed jagħmlu, ħaddieħor x’qed jagħmel għax mhux kemm issuq safe inti biss imma proprju kemm isuqu ta’ madwarek.
Fuq kollox saħaq li l-iktar ħaġa importanti huwa li jiġi evitat il-periklu fis-sewqan.