Is-servizz isir aktar affidabbli iżda l-karozzi tal-linja ġodda huma ikkunsmati mit-traffiku
Malta Public Transport tħabbar li 11.4 miljun passiġġier użaw it-trasport pubbliku fl-ewwel kwart tal-2018, li jirrappreżenta żieda ta’ 10% meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2017. Din iż-żieda hija rappreżentata fl-oqsma kollha, b’żieda ta’ 6% fil-passiġġiera li jużaw Tallinja card u vjaġġaw fuq il-karozzi tal-linja mill-inqas darba matul l-aħħar tliet xhur.
Is-sitwazzjoni fit-triq għadha toħloq sfidi sinifikanti għas-servizz tat-trasport pubbliku, b’mod partikolari għax-xufiera li qed isibuha diffiċli biex iżommu ma’ l-iskeda tagħhom. Fuq il-bażi ta’ data miġbura mis-sistemi ta’ tracking li jinsabu fuq il-karozzi tal-linja kollha, il-ħinijiet tal-vjaġġi żdiedu b’6% din is-sena meta mqabbla mal-ewwel kwart tas-sena li għaddiet. Dan ifisser li s-servizz għandu bżonn 15-il karozza tal-linja addizzjonali, bir-riżultat li l-investiment tal-kumpanija f’karozzi tal-linja ġodda qed jiġi kkunsmat mit-traffiku. Din iż-żieda fil-ħin tal-vjaġġ tfisser ukoll li l-operatur tax-xarabank jeħtieġ aktar sewwieqa biex jopera s-servizz.
In-numru ta’ devjazzjonijiet ippjanati bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena ammonta għal aktar minn 600, li huwa d-doppju tal-ammont tas-sena li għaddiet. Barra minn hekk, hemm ħafna każijiet meta l-karozza tal-linja jkollha tieħu triq alternattiva jew tivjaġġa aktar bil-mod minħabba makkinarju ta’ kostruzzjoni, jew vetturi ipparkjati illegalment li jimblukkaw it-toroq. Dan qed jagħmilha aktar diffiċli li l-kumpanija ssostni livell ogħla ta’ affidabilità tas-servizz u qed jiżdied l-istress għas-sewwieqa u l-passiġġieri li jridu jaslu fid-destinazzjoni tagħhom fil-ħin.
Minkejja dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli, il-kumpanija rnexxielha tikseb riżultati pożittivi minħabba li l-affidabbiltà qabżet it-98% f’Marzu għall-ewwel darba minn Mejju 2017, meta kienet ta’ 99%. Il-kumpanija tirringrazzja lill-impjegati kollha tagħha għall-isforz u d-determinazzjoni tagħhom li jipprovdu lill-passiġġieri b’servizz ta’ trasport pubbliku affidabbli.
Malta Public Transport qed tipprepara għas-sajf, billi tkompli tirrekluta u tħarreġ sewwieqa ġodda. Madankollu, il-kumpanija tappella għall-appoġġ ta’ kull stakeholder biex jagħtu spazju lill-karozzi tal-linja sabiex pajjiżna jkun jista’ jgawdi servizz ta’ trasport pubbliku sikur u affidabbli.