Minn stħarriġ li jsir kull xahar mill-Kummissjoni Ewropea fost il-familji u n-negozji madwar l-Unjoni Ewropea, jirriżulta li f’Lulju s-sentiment ekonomiku f’pajjiżna żdied b’mod sostanzjali.
Dan filwaqt li fl-Unjoni Ewropea seħħ l-oppost fejn, għal darb’oħra, kien hemm żieda fil-pessimiżmu fuq l-andament ekonomiku fost il-bqija tal-popli Ewropej.
Fil-fatt bejn Ġunju u Lulju, l-indiċi tas-sentiment ekonomiku f’pajjiżna tela’ minn 101 għal 109, titjib ta’ kważi 8%.
Valur ta’ aktar minn 100 jfisser li l-familji u n-negozji huma aktar ottimisti mill-medja storika, filwaqt li valur inqas minn 100 jfisser li huma aktar pessimisti.
Bħalissa il-familji u n-negozji fl-Estonja huma l-aktar pessimisti. Dan filwaqt li pajjiżna għandu t-tieni l-aqwa livell ta’ ottimiżmu u 17% aħjar mill-medja Ewropea.
Dan id-distakk ilu jikber madwar tmien xhur ilu, jiġifieri wara t-tħabbira tal-Baġit għal din is-sena, meta s-sentiment ekonomiku f’pajjiżna tjieb b’21% imqabbel ma’ dak Ewropew li baqa’ staġnat.
F’pajjiżna, il-familji qalu lill-Kummissjoni Ewropea li jħossu li jaffordjaw li jistgħu jidħlu għal spejjeż akbar. Mhux l-istess jista’ jingħad għal madwar 17% tal-familji Ewropew, li qalu li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja, anke kawża ta’ diversi sfidi li ffaċċjat l-Ewropa, fosthom l-inflazzjoni.
F’pajjiżna, maġġoranza ta’ kważi terz tal-operaturi tas-servizzi qed jistennew tkabbir fl-attività fix-xhur li ġejjin. B’riżultat t’hekk, il-kumpaniji qalu li se jkollhom bżonn iżidu l-impjegati. L-istess aspettattiva kienet riflessa fl-attitudni tal-operaturi fis-settur tal-bejgħ.
Fil-kostruzzjoni, il-maġġoranza tal-ażjendi jbassru żieda fl-ammont ta’ ħaddiema li se jimpjegaw. Dan f’kuntest li dawn l-operaturi, bħala medja, qalu li għandhom xogħol b’lura għal aktar minn erba’ xhur.
Fl-aħħar nett, minkejja l-isfidi internazzjonali fil-manifattura, is-sentiment lokali hu ferm aħjar mill-medja storika.
Il-kumpaniji tal-manifattura f’Malta sostnew li għandhom tliet xhur ta’ produzzjoni garantita f’ordnijiet li diġà rċevew.