Fl-ewwel xahar mindu daħal fis-seħħ is-servizz bla ħlas tal-ferries bejn il-Belt u l-Kottonera u bejn il-Belt u Tas-Sliema ġiet irreġistrata żieda sostanzjali.
Minn ċifri li kiseb ONE News mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, ħareġ li f’Jannar li għadda kien hemm żieda ta’ aktar minn sitt elef u seba’ mitt passiġġier, meta jitqabblu ma’ dawk tal-istess xahar sena qabel.
Dan hekk kif fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, telgħu kważi sebgħin elf passiġġier, waqt li f’Jannar tas-sena l-oħra, l-ammont totali ta’ passiġġieri kien ta’ ftit inqas minn tlieta u sittin elf.
Din iż-żieda kienet irreġistrata prattikament f’perjodu ta’ ġimagħtejn biss, ladarba jitqies li l-ħlas tan-noll tal-ferries ġie eliminat għal min għandu t-Tallinja Card minn nofs dak ix-xahar.
F’Jannar li għadda, il-passiġġieri li qabdu l-ferry bejn il-Kottonera u l-Belt Valletta, u viċi versa, laħħqu kważi ħamsa u tletin elf u tmin mitt passiġġier. Dan iisser differenza ta’ aktar minn disat elef u seba’ mija, hekk kif f’Jannar tas-sena l-oħra, l-ammont kien ta’ aktar minn tnejn u sittin elf passiġġier.
Dan filwaqt li f’Jannar li għadda, il-passiġġieri minn Tas-Sliema għall-Belt Valletta u viċi versa kienu jammontaw għal kważi erbgħa u tletin elf. Dan, bil-maqlub, fisser nuqqas ta’ kważi tlett elef passiġġier fuq l-istess xahar is-sena l-oħra.
Kelliema għall-Ministeru spjegaw ma’ dan l-istazzjon kif ir-rotta bejn il-Kottonera u l-Belt Valletta iġġorr l-iżjed ċittadini lokali, inkluż eluf b’impjieg fil-kapitali, waqt li r-rotta l-oħra bejn Tas-Sliema u l-Belt Valletta fil-Port ta’ Marsamxett tattira l-aktar turisti, iżjed minn kollox.
Din l-inizjattiva soċjali daqskemm hi ambjentali, ġiet introdotta mill-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, f’nofs ix-xahar imsemmi, eżattament fl-14 ta’ Jannar li għadda.
Dan bl-istess mod kif mill-1 ta’ Ottubru tal-2022, ċittadini fil-pussess ta’ Tallinja Card ma jħallsu xejn għall-vjaġġi f’tal-linja bħala parti mis-servizzi tat-trasport pubbliku.
Dan kien għamilna wieħed minn żewġ pajjiżi biss fl-Unjoni Ewropea fejn it-trasport pubbliku hu b’xejn u issa qed ikompli jissaħħaħ, inkluż bil-miżura tal-ferries b’xejn.