Fl-aħħar ħames snin, in-numru ta’ learning support assistants fl-iskejjel kollha madwar Malta u Għawdex żdied b’aktar minn ħames mitt persuna.
Fil-fatt, minn 1660 learning support assistants fl-2011, in-numru ta’ professjonisti jgħinu fit-tagħlim fl-iskejjel tagħna tela’ għal 2171.
Dan joħroġ minn tweġiba Parlamentari tal-Minisru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo, f’konferma oħra li mit-tkabbir ekonomiku bla preċedent qed igawdi kulħadd.
Jirriżulta li l-learning support assistants żdiedu kemm fil-livell primarju, u kif ukoll dak sekondarju. Waqt li llum fl-iskejjel primarji hemm 1810 tifel u tifla assistiti minn LSA fl-ewwel passi tagħhom, fl-iskejjel sekondarji hemm 800, 88 oħra sostnuti fl-iżvilupp akkademiku minn LSA.
Dan b’investiment sostanzjali mill-Gvern Ċentrali, li impenja ruħu lejn il-ġenerazzjonijiet futuri biex pajjiżna jistrieħ fuq sisien sodi.
Kien għalhekk li lil’hinn mill-bini ta’ skejjel ġodda; fosthom dik f’Ħad Dingli; il-Gvern kompla jinvesti fl-għalliema bi tqassim ta’ laptops ġodda, waqt li nieda l-proġett tat-tablet per child. L-investiment bla preċedent fl-Università, l-iskola medika Barts f’Għawdex, u l-proġett tal-Università Amerikana huma eżempji oħra ta’ kif pajjiżna miexi ‘l quddiem.
Dan kollu huwa xhieda oħra li t-tkabbir ekonomiku m’huwiex biss lingwaġġ politiku li jidher fuq il-karta, iżda realtà soċjali li qed toħloq il-ġid. Ġid li ma jħarisx lejn ilwien partiġjani, u li minnu qed igawdi l-poplu Malti u Għawdix kollu, bla ebda distinzjoni.