Fl-2015 ġiet irreġistrata żieda ta’ 131 żwieġ fuq is-sena ta’ qabel, biż-żwieġ ċivili jammonta għal 49.3%, żieda ta’ 6.7% fuq is-sena ta’ qabel.
B’hekk, kważi nofs iż-żwiġijiet f’pajjiżna fl-2015 kienu żwiġijiet ċivili.
Jinnota dan l-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li juri kif minn 3,002 żwiġijiet, 1,481 kienu żwiġijiet ċivili.
Sa tmiem l-2015, il-popolazzjoni Maltija kienet ta’ 434,403 persuna. Żieda ta’ 1.2% meta mqabbel ma’ sena qabel. Minn dawn il-popolazzjoni Maltija kienet 403,480 persuna. B’hekk il-popolazzjoni Maltija kienet tammonta għal kważi 92.9% tal-popolazzjoni totali f’pajjiżna.
17.4% tal-Maltin kienu persuni taħt it-18-il sena, filwaqt li 19% kellhom 65 sena jew iktar. Minn dawn, 1,754 mara, u 728 raġel, kellhom iktar minn 89 sena.
Fl-2015, 106 itrabi, jiġifieri 2.4% tat-trabi mwielda, kienu minn ommijiet teenagers. Filwaqt li kważi żewġ terzi tat-tfal ġew twieldu lil ommijiet bejn il-25 u 34 sena.
F’dik is-sena, f’pajjiżna kien hawn 26 adozzjoni minn pajjiż barrani.