Il-Budget għas-sena d-dieħla se jara żieda qawwija ta’ mediċini ġodda li se jingħataw b’xejn wara li se jiġu inklużi fil-Formolarju tal-Gvern.
Fost dawn hemm il-mediċini għal dawk li jbatu mill-isklerożi multipla u t-titqiba tal-Human Papillomavirus (HPV), li se tingħata lis-subien kollha li twieldu fis-sena 2000 u wara. Barra minn dan, faxxa usa’ ta’ persuni se jibbenefikaw minn mediċini li jittrattaw il-kundizzjonijiet tad-dijabete u tal-osteoporożi filwaqt li se jingħataw chemotherapy pumps li l-pazjent jista’ juża mill-kumdità ta’ daru jekk u kif preskritt mill-konsulent kuranti. Tħabbar ukoll li se jitwaqqaf fond ieħor sabiex każijiet urġenti ta’ pazjenti b’suspett jew dijanjosi ta’ kanċer jingħataw it-trattament meħtieġ sal-perjodu ta’ 12-il ġimgħa hekk kif stabbilit.
Persuni li jkunu għaddejjin minn interventi li jinvolvu d-donazzjoni ta’ gameti minn terzi se jibdew jibbenefikaw mill-mediċini stimulanti li huma kumplimentari mas-servizzi offruti mill-Assisted Reproductive Technology Clinic, filwaqt li l-formolarju tal-Gvern se jiġi aġġornat ukoll biex jinkludi numru minn dawn il-mediċini bla ħlas.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, qal li se tikber ukoll il-faxxa ta’ nies li se jibbenefikaw minn mediċini li jitrattaw il-kundizzjonijiet tad-dijabete u l-osteoporożi.