Waqt li l-libreriji lokali kienu ristretti fl-eqqel tal-pandemija, anke fil-ftuħ tagħhom, ġie rreġistrat tnaqqis drastiku fl-2020 u l-2021 ta’ madwar nofs miljun ktieb fiżiku. Is-sena 2020 kienet l-aktar li sofriet f’dan kollu fejn is-self niżel għal madwar 570,000 ktieb, imqabbel ma’ iżjed minn miljun ktieb sena qabel.
Minkejja dan, il-kotba tradizzjonali reġgħu bdew jiżdiedu u sas-sena li għaddiet kienu diġà żdiedu b’madwar 50,000 fuq l-inqas livell tal-2020.
SELF TA’ KOTBA MINN LIBRERIJI PUBBLIĊI
KOTBA FIŻIĊI
2019 – 1,031,868
2020 – 571,778
2021 – 580,302
2022 – 623,939
Jirriżulta li fl-istess perjodu qabad ritmu tajjeb ħafna s-self ta’ kotba diġitali, jew kif inhuma magħrufin iżjed, l-ebooks. Kif jidher mill-istatistika ppreżentata, l-ammont misluf ta’ ebooks sploda mill-2020.
Dawn il-kotba, li qed isiru dejjem iżjed popolari u diġà kienu qed jiżdiedu b’mod gradwali sa qabel il-pandemija, kienu mfittxijin mat-tliet darbiet iżjed fis-sentejn tal-pandemija fuq is-snin ta’ qabel.
Fil-fatt minn total ta’ 14,000 ebook mislufin erba’ snin ilu, dawn żdiedu b’medja ta’ aktar minn tliet darbiet fl-2020 u l-2021.
SELF TA’ KOTBA MINN LIBRERIJI PUBBLIĊI
KOTBA DIĠITALI (EBOOKS)
2019 – 14,001
2020 – 46,042
2021 – 40,900
2022 – 35,677