Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li f’Settembru li għadda waslu f’Malta aktar minn 270,000 turist, jiġifieri żieda ta’ kważi 16% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Statistika tal-NSO turi li matul ix-xahar li għadda aktar 230,000 persuna żaru l-gżejjer Maltin għall-btala u aktar minn 21 oħra ġew f’pajjiżna fuq xogħol.
It-turisti mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdiedu bi kważi 12% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra. Il-biċċa l-kbira tat-turisti li żaru kellhom bejn 25 sena u 44 sena.
Iċ-ċifri tal-NSO juru żieda ta’ aktar minn 10% fl-għadd ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’Malta u issa qabżu ż-żewġ miljun lejl. Kważi nofshom qagħdu f’postijiet ta’ akkomodazzjoni kollettiva bħalma huma l-lukandi.
In-nefqa tat-turisti f’Malta matul Settembru li għadda kienet ta’ kważi €243 miljun, żieda ta’ kważi 5% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
L-NSO qal li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena żaru pajjiżna aktar minn 2,036,000 turist, jiġifieri 15.6% aktar meta mqabbel mal-istess xhur is-sena l-oħra. Imqabbel mal-istess perjodu fl-2016, iż-żieda kienet tammonta għal kważi nofs miljun turist.
In-nefqa tagħhom bejn Jannar u Settembru laħqet l-€1,700 miljun, żieda ta’ 9.3% meta mqabbel mal-istess xhur is-sena li għaddiet. Ras għal ras, it-turisti ħallew f’Mata kważi €830.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi laqgħu dawn ir-riżultati u sotna li huwa importanti li pajjiżna jkompli jiddiversifika mis-swieq tradizzjonali tiegħu bil-għan li Malta ssir ċentru għan-negozju u għall-investiment.