Biż-żieda qawwija ta’ ħaddiema fis-settur privat fl-aħħar sitt snin, Malta hija l-aktar pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea li rnexxielu jnaqqas il-ħaddiema minn mal-Gvern. Filfatt tabella ppubblikata mill-EUROSTAT turi li pajjiżna kien l-aktar stat membru li niżżel bil-kbir il-ħaddiema li jaħdmu mal-Gvern.
Filfatt skont din it-tabella fis-sena elfejn, pajjiżna kellu kważi tlieta u għoxrin fil-mija tal-ħaddiema fil-pajjiż jaħdmu mal-Gvern iżda fl-elfejn u sbatax dan in-numru niżel għal tmintax fil-mija. Dan ifisser tnaqqis ta’ kważi ħamsa fil-mija. Fil-fatt matul dawn l-aħħar sitt snin sparaw ‘il fuq in-numri ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-privat.
Ċifri uffiċjali li ħarġu xahrejn ilu juru li f’Ottubru li għadda l-ħaddiema fis-settur privat kienu jgħoddu għal mija wieħed u sittin elf, sitt mija tlieta u sittin.
Dan filwaqt li fis-settur pubbliku kien hemm ftit aktar minn sebgħa u ergħin elf ħaddiem, ħafna minnhom jaħdmu f’oqsma pubbliċi importanti bħalma huma tas-saħħa u l-edukazzjoni. F’Marzu tal-elfejn u tlettax, mal-bidla fil-Gvern fil-privat kien hemm biss impjegati ftit aktar minn mija u tnax-il elf. Dan ifisser li fuq perjodu ta’ ftit aktar minn ħames snin kien hemm żieda ta’ kważi ħamsin elf persuna li bdew jaħdmu mal-privat.
L-istatistika tal-EUROSTAT ixejjen għal kollox l-argumenti tal-Oppożizzjoni li tgħid li l-Gvern saħħaħ is-settur tax-xogħol billi daħħal ħafna nies jaħdmu fl-entitajiet pubbliċi. Dan għax filwaqt li l-ħaddiema fis-settur pubbliku żdiedu f’oqsma importanti bħall-edukazzjoni u s-saħħa, in-numru tal-ħaddiema fil-privat żdiedu bi proporzjon ferm ikbar fid-dawl ta’ tkabbir ekonomiku li pajjiżna qed jirreġistra minn sena għal oħra.