L-impenn ta’ GreenPak Cooperative Society fil-ġbir tal-plastik permezz tal-kontenituri għar-riċiklaġġ f’Malta u Għawdex qed iwassal dejjem aktar għal riżultati aħjar. Tant hu hekk li żieda drammatika fl-irkupru tal-plastik kienet irreġistrata wara l-introduzzjoni tal-iBiNs innovattivi fil-bidu ta’ din is-sena. L-aħħar ċifri juru li bejn Jannar u Mejju 2019 l-irkupru tal-plastik kważi rdoppja meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2018. Matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena kienu rkuprati aktar minn 253,000 kilogramma ta’ plastik, li hu ekwivalenti għal 3,162,500 fliexken tal-plastik.
Ħafna jqisu l-plastik bħala l-‘miraklu’ li għamel il-ħajja moderna possibbli, iżda kważi nofsu jintuża darba biss, u parti sinifikanti minnu jispiċċa jniġġes l-ibħra tagħna għad-detriment tal-ekosistema, u fl-aħħar mill-aħħar ta’ saħħitna.
Barra minn hekk, bejn Jannar u Mejju 2019, GreenPak irreġistrat ukoll żieda sinifikanti oħra ta’ 39% f’materjal ta’ karti u ħġieġ irkuprati meta mqabbla mal-istess perjodu ta’ ħames xhur fl-2018. Minn aktar minn 651,000 kilogramma s-sena l-oħra, iċ-ċifri totali kemm għall-karta kif ukoll għal dik tal-ħġieġ matul l-aħħar ħames xhur żdiedu għal aktar minn 882,000 kilogramma.
Matul il-ġimgħa ddedikata lill-Jum Dinji għall-Ambjent, il-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak l-Ing Mario Schembri qal: “Kif juru ċar dawn iċ-ċifri, l-iBiNs qegħdin jaffettwaw b’mod pożittiv ir-riċiklaġġ kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex peress li qed jagħmluha aktar faċli u effiċjenti għan-nies li jirriċiklaw f’kull ħin u kullimkien.”
“Għalina f’GreenPak, il-jum dinji għall-ambjent hu prattikament kuljum – 365 ġurnata fis-sena. Ir-riċiklaġġ iservi biex jipproteġi u jtejjeb l-ambjent li llum kulħadd fid-dinja jagħraf li jinsab taħt theddida serja, fosthom bit-tnaqqis tal-materji prima. Il-ħidma ta’ kuljum tagħna sservi bħala pjattaforma prattika għall-komunikazzjoni pubblika madwar Malta u Għawdex. Bl-użu tas-sistema teknoloġika mill-aktar reċenti tagħna, illum nafu li fl-2019 ma kienx hemm ġurnata waħda biss li fiha ċ-ċittadini ma użawx l-iBiNs ta’ GreenPak biex jirriċiklaw.”
Aktar kmieni din is-sena, l-iBiNs ħadu post l-iskips ta’ riċiklaġġ l-antiki kollha li kienu jinsabu f’dawk l-40 lokalità li għandhom is-servizz ta’ GreenPak. Mgħammra b’teknoloġija intelliġenti, l-iBiNs jippermettu liċ-ċittadini jirriċiklaw 24/7 b’mod aktar sempliċi u konvenjenti, filwaqt li ma jħallux aktar li l-kontenituri tar-riċiklaġġ ifuru u jagħtu dehra kerha.
Dawn il-bins intelliġenti huma kapaċi jkejlu l-livell tal-mili’ tagħhom u jittrasmettu l-informazzjoni lis-sistema ċentrali bl-użu tat-teknoloġija Narrowband Internet of Things (NB-IoT). Din inġabet għall-ewwel darba f’Malta minn Vodafone Malta. Wara t-tnedija uffiċjali tal-link għall-iBiNs, bil-kollaborazzjoni ta’ Vodafone, li saret ix-xahar li għadda, mistennija li jinkisbu aktar riżultati sinifikanti fix-xhur li ġejjin. Dan għaliex din il-link permezz tal-mobajl se twassal lill-individwu għall-eqreb iBiN vojt.
B’hekk ser ikun hemm użu aktar effiċjenti tal-ħin u inqas sewqan bla bżonn meta wieħed jipprova jsib iBiN vojt. Il-link jinsab fuq ibins.greenpak.com.mt mingħajr ma hemm bżonn tniżżel l-app. Taħdem fuq kwalunkwe apparat mobbli bħal smartphones, tablets, kompjuters portabbli u oħrajn.
Għal aktar tagħrif dwar GreenPak wieħed jista’ jżur il-websajt tal-GreenPak www.greenpak.com.mt jew iċempel fuq it-telefon: 2166 0233.