F’Mejju li għadda żdied in-numru ta’ persuni full-time bi 2.6%, meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena l-oħra.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO turi li sa Mejju li għadda kien hawn madwar kwart ta’ miljun persuna jaħdmu f’pajjiżna full-time.
Kemm in-numru tal-irġiel u anki dak tan-nisa jaħdmu full-time żdied, biż-żieda fost in-nisa hija iktar notevoli hekk kif dawn żdiedu bi 3.3% filwaqt li l-irġiel jaħdmu full-time żdiedu bi 2.2%.
L-akbar żieda fl-impjiegi kienet fis-settur privat.
Fil-fatt fis-settur privat in-numru ta’ ħaddiema żdiedu b’4,514 biex f’Mejju li għadda kien hawn 186,320 persuna jaħdmu full-time fis-settur privat.
Il-ħaddiema fis-settur pubbliku żdiedu b’1,551 u ammontaw għal 51,055.
L-NSO spjega li l-ikbar żidiet fl-impjiegi kienu fis-settur tas-saħħa u dak soċjali u tal-arti u l-ispettaklu.
Fil-qasam tas-saħħa u dak soċjali, fuq medda ta’ sena, in-numru ta’ ħaddiema full-time tela’ b’1,246 filwaqt li dak fil-qasam tal-arti u l-ispettaklu, in-numru ta’ ħaddiema full-time żdied b’1,116.
In-numru ta’ nies jaħdmu għal rashom ukoll żdiedu meta wieħed iqabbel Mejju li għadda mal-istess xahar is-sena l-oħra.
In-numru ta’ nies jaħdmu għal rashom tela’ b’1,215 u dawk li jħaddmu n-nies żdiedu wkoll u telgħu b’4,850.
In-nies jaħdmu part-time żdiedu b’6.7%.
Skont l-NSO, l-akbar żidiet fl-impjiegi part-time żdiedu fis-settur xjentifiku u dak ta’ professjoni.