F’Ottubru li għadda n-nies li jaħdmu full-time żdiedu b’5.7% filwaqt li dawk li jaħdmu part time żdiedu b’3.1% meta mqabbel mal-istess xahar is-sena ta’ qabel.
Statistika ppubblikata mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO spjegat li informazzjoni provduta minn Jobsplus uriet li minn sena għal sena, in-numru ta’ nies jaħdmu full-time żdied b’aktar minn tnax-il elf (12,099).
Dan filwaqt li naqas il-qgħad.
F’Ottubru tas-sena l-oħra, żdied b’mod qawwi n-numru ta’ ħaddiema full-time fis-settur privat.
Fil-fatt l-NSO spjega li f’Ottubru tal-2019, in-numru ta’ ħaddiema full-time fis-settur privat żdied b’aktar minn ħdax-il elf (11,045) u b’hekk laħħaq 174,438.
F’Ottubru li għadda meta mqabbel mal-istess xahar is-sena ta’ qabel, in-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom żdiedu b’1,356
Dan filwaqt li żdied b’10,743 dawk irreġistrati li jħaddmu n-nies magħhom.
L-istatistika tispjega li f’Ottubru li għadda żdiedu b’5.5% in-numru ta’ ħaddiema irġiel full-time u b’6.1% in-numru ta’ ħaddiema nisa full-time.
L-aktar oqsma li l-ħaddiema full-time żdiedu jaħdmu fihom kien hemm dawk li jagħtu servizz u fis-settur tal-kostruzzjoni.