Fl-2022, il-valur miżjud gross bi prezzijiet bażiċi fuq bażi reġjonali rreġistra gwadann sostanzjali fuq sena qabel. Dan hekk kif f’Malta dan l-indikatur żdied bi ħmistax punt tlieta fil-mija, waqt li fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna żdied b’erbatax punt tmienja fil-mija.
Ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li, f’termini ta’ flus, dan ifisser li ż-żieda rreġistrata f’Malta ammontat għal aktar minn ħmistax-il biljun, erba’ mija u erbgħa u ħamsin miljun, filwaqt li f’Għawdex u Kemmuna ammontat għal kważi sitt mija, tmienja u ħamsin miljun ewro.
Dan meta mqabbel mal-2021.
Fil-fatt, l-estimi juru wkoll li l-kontribuzzjoni tar-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna għall-Prodott Gross Domestiku nazzjonali ammonta għal erba’ punt wieħed fil-mija jew inkella aktar minn seba’ mija u tnax-il miljun ewro.
Fl-2022 l-industriji kollha rreġistraw żidiet fil-valur miżjud gross. L-industriji tal-grossa u l-imnut, it-tiswija tal-vetturi u l-muturi, it-trasportazzjoni u l-ħażna, l-akkomodazzjoni u tas-servizzi tal-ikel irreġistraw l-akbar żieda bi tlieta u erbgħin punt wieħed fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.
L-industriji li jinvolvu l-attivitajiet professjonali xjentifiċi u tekniċi u l-attivitajiet li jinvolvu s-servizzi amministrattivi u ta’ sapport kkontribwew għat-tieni l-akbar żieda fil-valur gross miżjud bi ħmistax fil-mija.
Fuq is-suġġett tal-impjiegi, fl-2022 kull industrija f’pajjiżna rreġistrat żieda meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. L-akbar żieda fl-impjiegi kienet fl-industrija tal-attivitajiet professjonali xjentifiċi u tekniċi u fis-servizzi amministrattivi u ta’ sapport u fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Hawn ġiet irreġistrata żieda ta’ erbatax punt tnejn fil-mija u ħdax punt tmienja fil-mija rispettivament.
L-industriji fir-reġjun ta’ Għawdex u Kemmuna wkoll irreġistraw żieda fl-impjiegi. L-industriji tal-agrikolutra, l-afforestrija u s-sajd żammew l-istess ammont ta’ impjiegi bħas-sena ta’ qabel.