Is-sena li għaddiet il-konsum tal-elettriku żdied bi 12.5% meta mqabbel mal-2016. Fl-istess perjodu, il-ġenerazzjoni tal-elettriku żdiedet b’5.8%.
Ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika juru li fl-2017, il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija nadifa, fil-biċċa l-kbira mill-pannelli tax-xemx żdiedet għal 6.5%. Fil-fatt aktar minn 94% tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn għejjun li jiġġeddu saret mill-pannelli ta-xemx.
L-NSO li jippubblika l-istatistika miġbura mill-Enemalta, qal li l-konsum tal-elettriku jilħaq l-aqwa tiegħu fix-xhur sħan ta’ Lulju u Awwissu meta l-konsum jaqbeż l-450 Mega Watt. Qal li Awwissu li għadda rreġistra l-ogħla żieda b’aktar minn 16 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Kważi terz tad-domanda għall-elettriku f’Malta tintuża fix-xhur tas-sajf meta bejn Lulju u Settembru tal-2017 intużat 31% tal-ġenerazzjoni tal-elettriku.
L-NSO żied jgħid li fl-2017, il-ġenerazzjoni tal-elettriku laħqet kważi 2.4 miljun mega watt kull siegħa. Kważi 38 fil-mija tal-ġenerazzjoni tal-elettriku kienet ġejja mill-interconnector.
Iċ-ċifri juru wkoll li meta mqabbel mal-2008, l-emmissjonijiet fl-arja matul is-sena li għaddiet naqsu b’aktar minn miljun u 300 tunnellata ta’ emissjonijiet fl-arja.