Fl-ewwel xahrejn tas-sena, il-Gvern irreġistrata surplus fil-Fond Konsolidat – bilanċ pożittiv ta’ aktar minn €114.2 miljun.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn ħareġ li fl-ewwel xahrejn tas-sena kien hemm dħul ta’ aktar minn €230 miljun, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Dan hekk kif f’Jannar u Frar li għadda kien hemm dħul ta’ kważi €1,028.8 miljun, waqt li fl-ewwel xahrejn tas-sena li għaddiet kien hemm dħul ta’ €797.5 miljun.
Din tfisser żieda ta’ 29 fil-mija, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
L-akbar fatturi li kkontribwixxew għal dan id-dħul fil-fond konsolidat tal-Gvern, fl-ewwel xahrejn tas-sena, kienu l-Income Tax u l-VAT.
Dan hekk kif mit-taxxa tad-dħul, fl-ewwel xahrejn tas-sena, kien hemm dħul ta’ aktar minn €416-il miljun, li jfisser żieda ta’ aktar minn €155 miljun meta mqabbel ma’ sena qabel.
Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, fil-kaxxa ta’ Malta kien hemm dħul ta’ kważi €240 miljun, li tfisser żieda ta’ aktar minn €31 miljun, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
Dan is-surplus wasal hekk kif pajjiżna għandu aktar ħaddiema, waqt li pajjiżna għandu fost l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Minn din l-istatistika ħareġ li n-nefqa tal-Gvern, f’dawn l-ewwel xahrejn, kienet kienet ta’ kważi ta’ €915-il miljun.
Dan qiegħed iseħħ minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna, li waslet għall-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni.
F’din il-kriżi internazzjonali bla preċedent, il-Gvern Malti qiegħed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil u l-qamħ, hekk kif, f’dawn is-sentejn, il-Gvern investa biljun ewro għal dan il-għan.