Minn għada fl-Italja, il-pompi tal-petrol se jkunu obbligati li apparti juru l-prezzijiet tal-fjuwil li qed joffru huma, jagħtu wkoll il-prezz medju tal-fjuwil fl-Italja.
Ordna dan il-Ministru għall-Intrapriża Adolfo Urso f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha spjega li mbagħad is-sewwieqa jagħżlu huma fejn immorru jagħtu l-fjuwil lill-vettura tagħhom f’kuntest ta’ suq tal-fjuwil liberalizzat fejn pompi tal-fjuwil fl-istess pajjiż ma joffrux l-istess prezz għall-fjuwil.
Analisti sostnew li din xorta se tkun ta’ uġigħ ta’ ras għas-sewwieqa f’kuntest li mal-Italja kollha, iż-żidiet fil-prezz tal-fjuwil laqtu u mifruxa mal-pajjiż kollu.
Il-prezzijiet tal-fjuwil madwar l-Italja saħansitra qed jaqbżu ż-żewġ ewro l-litru u hemm fejn ilaħħqu ż-żewġ ewro u ħamsin ċenteżmu l-litru.
Il-midja Taljana fosthom ir-RAI u SKYTG24 irrapportw konferenza tal-aħbarijiet li t-Tnejn filgħodu ta l-Ministru Urso.
Huwa spjega kif il-prezzijiet tal-fjuwil komplew jogħlew minħabba żieda fil-prezzijiet internazzjonali.
Miljuni ta’ Taljani flimkien ma’ turisti li jżuru l-Italja se jibdew Awwissu u l-waqfa tal-Ferragosto b’din iż-żieda qawwija fil-prezzijiet li qed twassal biex karozza ta’ familja medja trid €127 biex timla’ t-tank tal-fjuwil.
Din iż-żieda qed tolqot ukoll żieda addizzjonali fil-prezzijiet ta’ prodotti oħra li jridu jiġu trasportati.
Analisti fuq il-midja Taljana sostnew li issa dan iż-żmien ta’ vaganzi ġej wieħed għas-sinjuri biss, li jistgħu jifilħu jħallsu għal din iż-żieda f’daqqa u qawwija fil-prezzijiet tal-fjuwil.
L-appell tal-Gvern Taljan mil-Ministru Urso kien li min jinnota prezz għoli żżejjed tal-fjuwil għandu jirrapporta lill-Ministeru jew lil Guardia di Finanza.
L-Italja diġà kellha wieħed mill-ogħla prezzijiet tal-fjuwil flimkien mal-Olanda.