Fid-diskors tal-budget il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar is-sitt żieda konsekuttiva għall-pensjonanti.
Mill-bidu tas-sena d-dieħla, mat-93,000 pensjonant se jibdew igawdu minn żieda ta’ €5 fil-ġimgħa, li tfisser li l-pensjonanti se jirċievu €260 aktar fis-sena.
Din iż-żieda hija maqsuma bi €3.25 u €1.75 tal-kumpens għall-għoli tal-ħajja, magħrufa bħala l-COLA.
B’din il-miżura mhumiex biss dawk li jirċievu l-pensjoni tal-irtirar li se jgawdu iżda anki dawk li jirċievu l-pensjoni tar-romol u tal-invalidità fost oħrajn.
Il-Professur Scicluna fakkar li meta wieħed jeskludi l-COLA, iż-żidiet li ngħataw sa issa lill-pensjonanti f’din il-leġislatura laħaq il-€11.25 fil-ġimġħa. Hawnhekk, il-Ministru għall-Finanzi nnota li din iċ-ċifra teċċedi sew iċ-ċifra li kienet imwiegħda fil-manifest elettorali, li kienet ta’ €8.
Scicluna ħabbar ukoll li sabiex dawn iż-żidiet ma jkunux intaxxati, il-Gvern se jkun qed jgħolli l-massimu ta’ dħul mill-pensjonijiet.
Fl-istess waqt, koppji pensjonanti li għandhom komputazzjoni tat-taxxi bħala miżżewġin se jiżdied għal €3,600 d-dħul ieħor li jkun eżentat minn ħlas ta’ taxxa biex mis-sena d-dieħla din il-kategorija ta’ pensjonanti se jiffrankaw ukoll €744.
Intant wara li Gvern Laburista żamm kelmtu ma’ madwar €8,000 ħaddiem jew mal-werrieta tagħhom, matul is-sena d-dieħla l-Gvern se jkompli jindirizza l-inġustizzji li sofrew 5,500 ħaddiem tal-eks membri tal-korpi, mill-Malta Gas Board, eks ħaddiema tax-xatt u apprentisti tal-Malta Electricity Board. B’kollox għal din il-miżura se jkun hemm allokat €9 miljun.