Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, skont stħarriġ tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, jirriżulta li n-numru ta’ nies li kellhom impjieg kien ilaħħaq it-tliet mitt elf u wieħed, jiġifieri żieda ta’ 5.9% fuq l-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.
Dan filwaqt li r-rata tal-qgħad għat-tielet kwart tal-2023, kienet biss ta’ 2.5% jew 0.4% inqas fuq l-istess perjodu sena qabel.
Ta’ min ifakkar li dawn huma l-inqas livelli fl-istorja tal-qgħad f’pajjiżna, b’inqas minn elf persuna jfittxu x-xogħol, waqt li fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista ċ-ċifra kienet laħħqet l-ogħla livell, dik ta’ kważi tmint elef persuna.
Sadanittant, l-NSO qal li, fost ix-xogħlijiet kollha, is-salarju bażiku medju fix-xahar varja minn €3,008 fost il-maniġers għal €1,193 qalb in-nies fʼxogħlijiet elementari.
Bejn Lulju u Settembru tas-sena l-oħra, l-istess salarji medji kienu mitejn u ħamsa u ħamsin ewro inqas fix-xahar għall-maniġers u tmienja u tletin inqas fix-xhar għal xogħlijiet elementari.
Fost dawk kollha fis-suq tax-xogħol, ingħad li erbgħa u tletin punt ħamsa fil-mija għandhom livell ta’ edukazzjoni terzjarja.