F’Jannar ta’ din is-sena l-impjiegi rreġistrati bħala full-time żdiedu b’4.6% filwaqt li dawk part-time b’9.9% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.
Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, hekk kif ġie spjegat li l-provvista tal-ħaddiema f’pajjiżna żdiedet bi kważi 4% għal total ta’ 245,726.
Rigward xogħol irreġistrat full-time, l-NSO juri kif meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet l-akbar żieda f’impjiegi kienet fis-setturi tal-akkomodazzjoni u tas-servizzi tal-ikel b’1,517. It-tieni l-akbar żieda kienet fis-settur tal-kostruzzjoni b’1,304. Ix-xogħol irreġistrat full-time żdied ukoll fis-settur privat hekk kif kien hemm żieda ta’ 10,010 għal total ta’ 193,130. Fis-settur pubbliku l-impjiegi full-time żdiedu b’756 persuna għal total ta’ 51,479.
Dawk irreġistrati full-time u li jaħdmu għal rashom ukoll raw żieda hekk kif meta mqabbel ma’ Jannar tal-2021 hawn kien hawn żieda ta’ 986. F’dan is-settur dawk irreġistrati bħala ħaddiema żdiedu b’9,780.
Iż-żieda f’irġiel irreġistrati b’impjieg full-time telgħet b’4.3% filwaqt li n-nisa fl-istess impjieg full-time żdiedu b’5.1%.
Intant f’Jannar, dawk irreġistrati b’xogħol part-time żdiedu b’9.9% meta mqabbel mal-istess perjodu fix-xahar tas-sena ta’ qabel. L-akbar żieda kienet fis-setturi ta’ attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi b’1,083 persuna. Isegwu hemm is-setturi tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel hekk kif kien hemm żieda ta’ 772.
In-numru ta’ nies li kellhom impjieg full-time flimkien ma’ dak part-time ukoll żdied bi 13.8% għal total ta’ 36,553 perusna. Dan meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
Dawk li l-impjieg primarju tagħhom kien dak part-time jammontaw għal 32,960. Hawn kien hawn żieda ta’ 6% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.