Il-Gvern se jżid in-work benefit għal €50 sa €100 għal kull wild li persuna li tidħol lura fis-suq tax-xogħol ikollha.
Dan ħabbru l-Prim Ministru Joseph Muscat fir-reazzjoni tiegħu għall-baġit li għadu kif tħabbar ftit tal-ħin ilu.
Meta kien qed jispjega miżuri oħra li mistennija jolqtu faxex differenti tal-poplu Malti u Għawdxi, il-Prim Ministru ħabbar ukoll kif il-Gvern se jneħħi d-diskriminazzjoni li tolqot ħaddiema li kienu mpegati ma’ xi entità tal-Gvern, u ħadu skema ta’ early retirement qabel l-1 ta’ Jannar 2008, u li qatt ma ħadu żieda fil-pensjoni.
Grazzi għal dan il-budget u bidliet fil-liġi, dawn il-ħaddiema se jibbenefikaw minn żieda fil-pensjoni wkoll.
Se tkun qed issir ġustizzja wkoll ma’ pensjonanti li kienu jaħdmu fil-Libja u li ġew affettwati b’mod negattiv minn tibdil li sar fl-1988 għal ftehim bilaterli bejn Malta u l-Libja. Dawn se jkunu jistgħu jirregolarizzaw ruħhom mal-Gvern Malti biex jikkwalifikaw għal pensjoni aħjar.
Persuni li għandhom iktar minn 23 sena, qedgħdin fuq għajnuna soċjali, u jiddeċiedu li jkomplu jistudjaw, se jkunu jistgħu iżommu kemm l-għajnuan soċjali, kif ukoll se jieħdu l-istipendju.
Semma wkoll kif il-Gvern se jara li benefiċċji mhux kontributorji għal persuni li għandhom kundizzjonijet bħad-dipressjoni, bi-polar jew mard ieħor li jista’ jitqies bħala terminali, se jieħdu dawn il-benefiċċji anke jekk jikkwalifikaw mill-means test preżenti.