Matul l-aħħar sitt snin, ir-rata ta’ nies jaħdmu u li għandhom bejn il-15 u l-64 sena żdiedet minn 72.2 fil-mija fl-2017 għal 80.0 fil-mija fl-2022.
Dan ħareġ minn rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, magħruf bħala ‘L-Indikaturi Ewlenin dwar is-Suq tax-Xogħol: 2017-2022.’
Ir-rapport, meqjus bħala wieħed mill-għodod ta’ monitoraġġ l-aktar importanti madwar l-Unjoni Ewropea, iħares, fost l-oħrajn, lejn ix-xogħol, il-qgħad u l-edukazzjoni.
Grazzi għall-miżuri ta’ Gvern Laburista fis-snin imsemmija, ir-rata ta’ attività tan-nisa ta’ bejn il-15 u l-64 żdiedet bi 12.7 punti perċentwali. Min-naħa l-oħra, is-sehem tal-irġiel fiż-żieda ġenerali fir-rata ta’ attività kien ta’ 2.8 punti perċentwali.
Fl-2022, ir-rata totali ta’ attività nazzjonali kienet 5.5 punti perċentwali ogħla minn dik irreġistrata fil-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Bħala medja fl-Unjoni Ewropea, kważi 78 minn kull 100 persuna ta’ bejn il-15 u l-64 sena kienu qed jaħdmu s-sena l-oħra. Iċ-ċifri nazzjonali jindikaw li fl-2022 ir-rata ta’ impjiegi f’Malta kienet ta’ 81.1 fil-mija, biż-żieda fir-rati tal-impjieg hija attribwita l-aktar lin-nisa.
L-NSO qal li ż-żieda fl-impjiegi matul l-aħħar sitt snin f’Malta kienet irreġistrata l-aktar bit-tkabbir tas-servizzi. Dwar il-qgħad fostna, ir-rapport juri kif ir-rati ilhom jonqsu b’mod kostanti matul l-aħħar snin. Meta mqabblin mal-UE, ir-rati nazzjonali għall-2022 kienu aktar baxxi għaż-żewġ sessi u fost il-gruppi kollha ta’ età.
Għall-2022, il-proporzjon tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kien ta’ 4.7 fil-mija, li huwa 1.2 punti perċentwali inqas mill-medja tal-UE 27.
Is-sena l-oħra wkoll l-indikatur tar-rata tan-NEET f’Malta, li huwa l-proporzjon ta’ żgħażagħ li la jkunu fl-edukazzjoni, kienet ta’ 7.1 fil-mija; ukoll 2.5 punti perċentwali inqas mill-medja tal-pajjiżi kollha tal-UE.
Dan juri li f’Malta l-persuni bejn il-15 u l-24 sena huma aktar probabbli li jkunu f’impjieg jew fl-edukazzjoni meta mqabblin ma’ dawk fl-UE.
Min-naħa l-oħra, is-sena li għaddiet, ir-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ, kienet ta’ 10.1 fil-mija, u rreġistrat tnaqqis ta’ 3.9 punti perċentwali mil-livelli tal-2017.
Sadanittant, iċ-ċifri tal-2022 juru li l-għadd ta’ persuni bejn l-20 u l-24 sena li kisbu mill-inqas livell sekondarju għoli ta’ edukazzjoni kien ta’ 87.4 fil-mija, bir-rata nazzjonali tkun 3.8 punti perċentwali ogħla mill-medja tal-pajjiżi tal-UE.