Is-sena l-oħra l-okkupanza fil-lukandi ta’ erba’ u tliet stilel żdiedet, meta mqabbel mas-sena 2019.
Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li l-lukandi ta’ erba’ stilel, is-sena l-oħra, li hija sena rekord għas-settur turistiku, kienet ta’ aktar minn tnejn u tmenin fil-mija. Dan filwaqt li fl-2019, qabel il-pandemija, l-okkupanza kienet ta’ kważi wieħed u tmenin fil-mija.
Dan filwaqt li s-sena l-oħra, l-okkupanza fil-lukandi ta’ tliet stilel kienet ta’ aktar minn disgħa u sebgħin fil-mija. Dan filwaqt li fl-2019, ir-rata ta’ okkupanza fil-lukandi kienet ta’ tlieta u sebgħin fil-mija.
Intant, kien hemm tnaqqis marġinali fl-okkupanza ta’ lukandi ta’ ħames stilel, meta mqabbel mal-2019.
Fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra, jiġifieri bejn Ottubru u Diċembru li għadda, in-nefqa tat-turisti kienet ta’ kważi sitt mitt miljun ewro. Din tfisser żieda ta’ aktar minn mija u tletin miljun ewro, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019, hekk kif in-nefqa mit-turisti f’din is-sena msemmija kienet ta’ erba’ mija u sitta u sittin miljun ewro.
Ma’ ONE News, il-President tal-MHRA Tony Zahra sostna li dawn ir-riżultati huma pożittivi għas-settur turistiku u qal li din is-sena għandha prospetti sbieħ ukoll.
Qal, “Fil-kwart li ġej, l-ewwel tas-sena: Jannar, Frar u Marzu, l-indikazzjoni minn dan is-survey huma tajbin u nistennew ukoll li nibqgħu sejrin hekk sal-aħħar tas-sena.”
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, li qal li r-rata ta’ rkupru fis-settur turistiku fil-Meditterran kienet ta’ sitta u disgħin fil-mija, waqt li f’Malta kien hemm irkupru aqwa minn ta’ qabel il-pandemija.