Fis-sena li ġejja l-istipendji għall-istudenti ser ikunu qed jiżdiedu b’10%.
Dan filwaqt li kull student eliġibbli għall-istipendju ser ikun qed jibqa’ jingħatalu anki jekk l-istudent jaħdem sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa.
B’dawn iż-żewġ miżuri l-Gvern ser ikun qed jagħmel investiment ta’ €5 miljun f’żieda totali fl-istipendji.
Ser ikun qed jiżdied ukoll l-investiment fl-apprentistat sabiex b’mod konkret iżjed studenti jkomplu jsibu l-placements ta’ apprentistat mas-settur privat.
Dan anke permezz ta’ iżjed investiment f’dawn l-istituzzjonijiet edukattivi.
Tħabbar ukoll kif permezz ta’ investiment ta’ miljun ewro ser jiżdiedu l-iskejjel li fihom l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC fl-istess skejjel li kienu jattendu.
Dan sabiex jitnaqqas l-istress tal-istudenti u dawn jagħmlu l-eżamijiet fl-ambjent li huma mdorrijin fih. Is-sena d-dieħla ser ikompli l-bini ta’ skejjel ġodda fl-Imsida u r-Rabat Għawdex filwaqt li ser isiru proġetti ta’ modernizzar fl-iskejjel ta’ Ħal Qormi, tal-Mellieħa, ta’ Ħal Għaxaq u oħrajn fil-gżira Għawdxija.