Il-Baġit 2024 kompla jsaħħaħ l-In-Work Benefit, b’żieda ta’ €50 għal kull wild li għandu taħt it-23 sena.
Il-Ministru Caruana nnota wkoll li, minbarra din iż-żieda, in-numru ta’ familji li gawdew minn dan il-benefiċċju ttripplaw mis-sena l-oħra ’l hawn wara li daħlet fis-seħħ is-sistema awtomatizzata li tidentifika l-benefiċċjarji mingħajr il-ħtieġa li wieħed japplika.
Iż-żieda kif imħabbra se tkun qed tolqot madwar 23,000 familja, li flimkien għandhom 34,500 tifel u tifla.
F’miżura oħra li tħabbret, dawk il-ħaddiema b’ħinijiet atipiċi wkoll se jgawdu minn għotja ġdida li daħlet fis-seħħ fil-Baġit 2022.
Din l-għotja ta’ €150 fis-sena se jgawdu minnha dawk li jaħdmu fis-setturi tal-akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, servizzi amministrattivi u ta’ sapport, manifattura, trasport u ħażna, u bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, u li għandhom il-paga bażika ma taqbiżx l-€20,000.
Il-ħlas se jkun qed isir f’Diċembru b’investiment ta’ €3.8 miljun lil kważi 25,000 ħaddiem.