Iż-żieda fl-impjiegi bejn Ottubru tas-sena 2014 u Ottubru 2105 kienet iġġenerata kollha mis-settur privat.
F’dan il-perjodu kien hemm żieda ta’ 6,700 impjieg fil-privat, filwaqt li b’mod globali kien hemm tnaqqis fis-settur pubbliku. Anke jekk fl-istess ħin komplew jiżdiedu dawk jaħdmu fis-setturi tal-edukazzjoni u s-saħħa.
Dan ifisser li jekk wieħed jara l-ħolqien tax-xogħol matul din il-legislatura, wieħed jinnota żieda ta’ kważi 17,500 impjieg full-time.
B’hekk f’anqas minn tlett snin l-impjiegi żdiedu darba u nofs, iż-żieda fil-ħames snin ta’ qabel. Taħt din l-amministrazzjoni kull jum żdiedu tmintax-il impjieg full-time.
Tmienja minn kull għaxar impjieg ġodda kienu fis-settur privat, tant li l-proporzjon tal-impjiegi tas-settur pubbliku fit-total naqset għal 25.8% minn 26.7%.
Il-Gvern ireagixxa b’ mod pożittiv għal dawn ir-riżultati u qal li jikkonfermaw kemm il-ħidma tal-Gvern qed twassal għal tkabbir ekonomiku li jissarraf f’ħafna aktar postijiet tax-xogħol.
Żied li dan qed ifisser ukoll qagħa finanzjarja aħjar għall-familji tagħna. Il-Gvern qal li fix-xhur li ġejjin ser ikompli jieħu miżuri biex aktar persuni jgawdu dejjem aktar mill-qagħda b’saħħitha tal-ekonomija ta’ pajjiżna.