F’Marzu ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 16,764 persuna jew 6.2 fil-mija aktar li kienu f’impjieg full-time f’pajjiżna, meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel.
Skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, dwar l-impjiegi lokali fissru li, fit-tielet xahar ta’ din is-sena, kien hemm total ta’ 285,232 persuna taħdem full-time.
Dan waqt li ġiet irreġistrata żieda ta’ 6.3 fil-mija fost in-nisa u 6.2 fil-mija fl-irġiel full-timers.
Il-maġġoranza taż-żidiet tal-impjiegi mill-ġdid kienu rreġistrati mal-privat bi 15,895 jew ħamsa u disgħin fil-mija tal-ammont kollu, waqt li 869 ġew ingaġġati mas-Settur Pubbliku.
L-aktar oqsma li żiedu l-impjiegi f’dan il-perjodu kienu dawk fis-servizzi amministrattivi u ta’ sostenn, bi 3,049, u dawk tal-akkomadazzjoni u tal-ikel, b’2,905.
L-għadd ta’ persuni rreġistrati li jaħdmu għal rashom żied b’784 impjieg f’Marzu meta tqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Sadanittant, kien hemm ukoll żieda ta’ sebgħa fil-mija fil-part-timers, bl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija li rreġistraw l-aktar żidiet f’dan ir-rigward.