Il-gazzetta KullĦadd titkellem fuq kif persuna b’nuqqas ta’ vista li ngħatat xogħol li jinvolvi ħafna qari ta’ posta u emails ingħatat ix-xogħol li kellha qabel.
Dan wara li minn ilment li għamlet irriżulta li min iħaddimha ma kienx sensittiv għall-fatt li l-format ta’ dawn id-dokumenti ma kienx tajjeb għal din il-persuna biex taqrahom mingħajr tbatija.
Iżda, imbagħad kien hemm persuna oħra li allegat li spiċċat tilfet l-impjieg minħabba d-diżabilità tagħha u minn investigazzjoni rriżulta li dan ma kienx il-każ.
Dawn kienu fost l-ilmenti li rċeviet il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’diżabilità u li jissemmew fir-rapport annwali 2017 li kien ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa.
Filwaqt li l-bulettini ewlenin tal-aħbarijiet ilkoll taw prominenza dwar il-fatt li persuni b’diżabilità qed isibuha diffiċli jieħdu self minħabba nuqqas ta’ assigurazzjoni hemm għadd ta’ punti oħra li qed iwasslu għal ilmenti.
Kien il-qasam tal-edukazzjoni li ra l-ikbar żieda ta’ lmenti fejn l-ilmenti ġodda telgħu minn 13 fl-2017 għal 42 fl-2018.
Fost l-ilmenti ġodda fil-qasam edukattiv hemm dawk marbuta man-nuqqas ta’ aċċessibilità fi skejjel tal-kompjuter fejn numru minnhom mhumiex aċċessibbli.
Riżultat ta’ dawn l-ilmenti nibtet kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla fejn qed isiru spezzjonijiet.
Min-naħa l-oħra kien hemm tnaqqis fl-ilmenti dwar l-aċċessibbiltà, anke jekk dan baqa’ s-settur fejn is-CPRD rċeviet l-iktar ilmenti.
Dwar dan is-suġġett is-CRPD nediet eżerċizzju mal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali dwar l-aċċessibiltà fl-Għases tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex.
Jirriżulta li diġà sar xogħol fuq numru ta’ għases biex ikunu aċċessibbli u għaddej iktar xogħol biex iktar għases ikunu aċċessibbli.
Jirriżulta li l-Gvern baqa’ dak li l-iktar jirċievi numru ta’ lmenti ġodda. B’mod partikolari minħabba d-diversi binjiet pubbliċi li fihom imorru jinqdew ħafna nies u anke għall-fatt li jipprovdi l-iktar servizzi. Fil-fatt, fil-konfront tal-Gvern kien hemm 89 ilment u fil-konfront tal-privat 61 ilment.
Kien hemm 37 ilment fil-konfront tal-Kunsilli Lokali u 10 ilmenti ġodda fil-konfront ta’ parastatali u 6 ilmenti ġodda fil-konfront tal-Knisja. Filwaqt li l-Gvern idabbar l-iktar ilmenti b’rabta mal-kwistjoni tal-aċċessibilità, il-privat hu akkużat li naqas l-iktar fl-għoti ta’ oġġetti, faċilitajiet u servizzi.
U filwaqt li l-Gvern kellu l-iktar ilmenti kien ukoll l-entità li solva lmenti.