29,000 persuna ser ikunu qed jibbenefikaw minn żieda fl-għajnuna supplimentari bi spiża ta’ €5.6 miljun.
Fil-Budget ippreżentat għas-sena d-dieħla ġie mħabbar kif din l-għajnuna supplimentari ser tkun qed tiżdied għal kull persuna li tirċievi dan il-benefiċċju u b’hekk se jgawdu l-pensjonanti, anzjani u anke persuni li jistgħu jkunu f’impjieg jekk ma jkollhomx tfal taħt is-16-il sena.
Il-Ministru għall-Finanzi spjega li għas-sena d-dieħla persuni miżżewġa jew koppji li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€14,318 ser ikunu qed jirċievu żieda fil-benefiċċju li tvarja bejn €3.47 u €6.50 fil-ġimgħa, skont id-dħul tagħhom.
Dan filwaqt li persuni waħidhom inkluż romol, li d-dħul tagħhom għas-sena d-dieħla ma jaqbiżx l-€10,221 ser ikunu qed jirċievu żieda ta’ bejn €4.10 u €5.00 fil-ġimgħa.
B’kollox biż-żieda fil-pensjonijiet u l-għajnuna supplimentari, ħafna pensjonanti ser jaraw żieda ta’ €500 fis-sena.
Din hija ekwivalenti għal ċekk ieħor tal-pensjoni matul is-sena.