L-esportazzjoni ta’ prodotti minn pajjiżna lejn ir-Renju Unit, żdiedet sew wara Brexit, speċjalment meta wieħed iqabbel l-esportazzjoni tal-prodotti fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet mal-ewwel nofs ta’ din is-sena.
Il-Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Negozju mar-Renju Unit, Mario Vella spjega kif fl-importazzjoni kien hemm tnaqqis ta’ madwar ħmistax fil-mija; li jista’ jkun attribwit ukoll għas-sitwazzjoni li ġabet magħha l-pandemija.
Min-naħa l-oħra, stqarr kif l-istatistika dwar l-esportazzjoni tal-prodott Malti lejn ir-Renju Unit hija pożittiva ħafna.
Qal, “Jekk tirristrinġi l-indicators tiegħek għal prodotti mhux volatili, int għandek żieda prattikament ta’ 90%. Jekk tara l-prodotti kollha li esportajna qegħdin nitkellmu fuq iċ-ċifra pożittiva ħafna għall-aħħar ta’ 145% żieda.”
Il-Kummissarju spjega kif il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, ma jidhirx li affettwa l-moviment ħieles ta’ persuni bejn pajjiżna u r-Renju Unit fl-aħħar sena.
Spjega, “Il-COVID-19 kien l-element predominanti u għalhekk diffiċli mill-inqas f’dan il-perjodu li minnu qed nosservaw, diffiċli tgħid x’kien l-impatt speċifiku ta’ Brexit. Ma jidhirx li l-impatt ta’ Brexit kien drammatiku anzi xejn.”
Vella nnota kif Brexit ġab miegħu diversi sfidi u hemm prodotti speċifiċi li pajjiżna qed isibha diffiċli biex jimporta.
Qal kif issa li r-Renju Unit huwa pajjiż terz, hemm regoli xi jkunu segwiti, imam mal-isfidi hemm ukoll ħafna opportunitajiet.
Qal, “Brexit qiegħda hemm bħalissa, ir-Renju Unit huwa pajjiż terz u dan jippreżenta numru ta’ opportunitajiet iżda biex dawn l-opportunitajiet inkunu nistgħu nisfruttawhom hemm bżonn tax-xogħol, hemm bżonn tas-sapport tal-istat, fl-istess waqt però hemm bżonn li s-suq lokali, is-settur privat jagħmel minn kollox biex jisfrutta dawn is-sitwazzjonijiet. U nifhem li hemm passi f’din id-direzzjoni.”