Is-sena l-oħra, l-attività tal-azjendi fl-industrija tas-servizzi kienet 6% akbar imqabbel ma’ sena qabel.
Irrapportat dan il-gazzetta KullĦadd, fejn intqal li dan seħħ minħabba titjib qawwi fis-settur turistiku, sostnut ukoll minn tkabbir fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u anki fis-servizzi professjonali.
L-aqwa kwart tas-sena l-oħra f’dan ir-rigward kien l-ewwel wieħed, minħabba li fih inħass ħafna titjib fit-turiżmu. Imma anke l-aħħar kwart tas-sena kien wieħed pożittiv. Dan hekk kif l-azjendi fl-industrija tas-servizzi raw il-bejgħ jitjieb b’ħamsa fil-mija.
Statistika tal-Eurostat tindika li s-sitwazzjoni hi bil-maqlub f’pajjiżi oħrajn, bħall-Portugall u Spanja, li fl-aħħar kwart tas-sena l-bejgħ mhux talli ma żdiedx, iżda saħansitra spiċċa jonqos.
L-aktar settur li żied il-bejgħ f’Malta, fl-aħħar kwart tas-sena, kien dak tal-karozzi u tas-servizzi amministrattivi. Fil-bejgħ tal-ikel kien hemm żieda wkoll.
Kontra hekk naqas il-bejgħ tal-proprjetà, b’madwar 4%, fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet. It-titjib fil-bejgħ wassal biex jiżdied id-dħul tal-ħaddiema f’dawn l-oqsma, tant li l-pagi li tħallsu kienu 8% ogħla mill-istess kwart ta’ sena qabel.
F’numru ta’ setturi d-dħul finanzjarju tal-ħaddiema żdied anke b’aktar minn 10%. Apparti żieda fir-rata tal-paga, dan irrifletta żieda f’sigħat ta’ ħidma.
Pereżempju, fil-qasam tal-lukandi u r-restoranti kien hemm żieda ta’ 13% fil-ħinijiet tax-xogħol li ntalbu minn min iħaddem.
Sadanittant l-impjiegi fis-settur tas-servizzi żdiedu bi 3% fl-aħħar kwart tas-sena, l-aktar fis-servizzi professjonali u fit-turiżmu.