Fl-aħħar tliet snin biss, ‘il fuq minn 20 kumpanija ġdida ġew ammessi fuq il-listi tal-Borża ta’ Malta. Dan fi żmien li bħall-kumplament tad-dinja, pajjiżna kien affaċċjat minn sfidi li ħallew impatti fuq l-ekonomiji internazzjonali.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru wara żjara li għamel Dr Robert Abela fil-Borża ta’ Malta hekk kif nnota li matul l-aħħar snin, il-kumpaniji ikkwotati ma’ din l-istituzzjoni u l-istrumenti finanzjarji differenti li jistgħu jiġu nnegozjati fis-swieq tagħha kibru bi kważi d-doppju
Fil-fatt, hawn intqal kif b’iktar minn 110 kumpaniji differenti ikkwotati u madwar 300 strument finanzjarju differenti fis-swieq tagħha l-attività fuq il-Borża ta’ Malta hija xhieda oħra ta’ kif l-attività ekonomika f’pajjiżna kompliet issir waħda iktar b’saħħitha.
Waqt din iż-żjara l-Prim Ministru enfasizza kif il-Borża ta’ Malta għandha tkun xprun biex l-investiment f’pajjiżna jkompli jitkattar u joħloq il-ġid biex imbagħad dak l-istess ġid jissarraf f’aktar għajnuna lin-nies.
Dr Abela sostna kif il-qasam tas-servizzi finanzjarji huwa katalista fl-investimenti marbuta mal-qalba l-ħadra u dik diġitali li qed iseħħ biex tibqa’ tiġi offruta kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji. Huwa żied jgħid li l-qafas regolatorju li għandu pajjiżna f’oqsma differenti fosthom fl-iGaming u l-ekonomija miftuħa Maltija għall-kummerċ ilkoll jagħtu rwol kruċjali lill-Borża ta’ Malta.
Fid-dawl li rapporti ta’ esperti internazzjonali fosthom tal-Fond Monetarju Internazzjonali tkellmu dwar irkupru impressjonanti u kif il-ġid nazzjonali ras għal ras mistenni jiżboq dak taż-Żona Ewro, il-Prim Ministru qal li pajjiżna jrid ikompli jiġbed lejh investiment ta’ kwalità mibni fuq il-prijoritajiet li għandu l-pajjiż bħal dawk ambjentali.
Il-Prim Ministru sostna li dawn ir-riżultati jkomplu jixhdu kemm id-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern matul l-aħħar xhur kienu kruċjali u f’waqthom biex il-kumpaniji u n-negozji jibqgħu b’saħħithom u biex f’pajjiżna tinżamm l-istabbiltà ekonomika.
Fiż-żjara, fejn iltaqa’ mat-tmexxija tal-Borża ta’ Malta u l-ħaddiema, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana.