Iż-żieda fil-kwalità u fil-volum tal-proprjetà fl-aħħar ħames snin, kif ukoll skemi soċjali maħruġa mil-Gvern, wasslu sabiex in-nies investew iktar fil-qasam tal-proprjetà.
Riżultat ta’dan fl-ewwel sitt xhur tas-sena n-nutara raw żieda ta’ 23% fl-ammont ta’ riċerki mitluba għall-konvenji li saru.
Din iż-żieda ssarfet fi dħul akbar ta’ 43% għall-gvern meta mqabbel mal-istess sitt xhur tas-sena ta’ qabel.
In-Nutar Malcolm Mangion spjegalna li għalkemm wieħed jista’ jaħseb li dan seta’ kien minħabba żieda fit-tariffi, dan mhux neċessarjament korrett.
Il-bidla fil-liġi tal-wirt ukoll għenet lin-negozjati jimxu b’iktar ħeffa, qal Mangion, li fisser kif bil-liġijiet ta’ qabel, ħafna propjetajiet kienu jispiċċaw mitluqa minħabba l-kumplikazzjonijiet li jinqalgħu.
In-Nutar innota kif programmi innovattivi oħra li ħoloq il-gvern ikkontribwixxew għaż-żieda fid-dħul, fosthom il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment li attira investiment fi propjetà iktar lussuża, l-iskema tal-First Time Buyers, li għenet żgħażagħ jagħmlu l-ewwel pass u jinvestu f’propjeta u kif ukoll skemi soċjali oħra li qed iwasslu biex iktar persuni ikunu sidien tad-djar tagħhom.