In-numru ta’ turisti li żaru Malta f’Marzu li għadda laħaq il-111,946. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn 101,000 meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena l-oħra.
Mill-banda l-oħra, jekk immorru sena aktar lura, in-numru tal-wasliet tat-turisti f’Marzu ta’ din is-sena qabeż is-36,000 meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena 2020, ix-xahar li fih ġie rrapportat l-ewwel każ ta’ COVID-19 f’pajjiżna.
Dan jirriżulta minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li turi wkoll żieda konsiderevoli fin-nefqa totali tat-turisti f’pajjiżna. Fil-fatt, f’Marzu li għadda din in-nefqa ammontat għal €80,116,000. Dan ifisser żieda ta’ kważi €70 miljun, jew aktar minn 700 fil-mija meta mqabbel ma’ Marzu ta’ sena qabel. In-nefqa kważi rdoppjat meta mqabbla ma’ Marzu tal-2020.
Jekk nieħdu l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, in-numru ta’ turisti li ġew f’pajjiżna ammontaw għal 235,295: żieda ta’ aktar minn 202,000 turist meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur tal-2021. Fl-istess waqt, kien hemm tnaqqis ta’ kważi 135,000 meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur tal-2020, iżda, ġiet innotata żieda ta’ aktar minn 780 turist li waslu f’pajjiżna bil-cruises bejn Jannar u Marzu li għadda meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2020, qabel ma faqqgħet il-pandemija.
L-istatistika turi wkoll żieda qawwija ta’ ljieli li qattgħu f’pajjiżna t-turisti. Fil-fatt, f’Marzu li għadda ġew irreġistrati 739,194 lejl; żieda li taqbeż il-585,500 lejl meta mqabbel ma’ Marzu tal-2021 u żieda ta’ aktar minn 297,000 lejl minn Marzu tal-2020.
F’Marzu li għadda, il-maġġoranza tat-turisti li żaru f’pajjiżna ġew hawn għal btala. Ddawn ammontaw għal 95,395.
Barra minn dan, 8,562 turist ġew Malta għal skopijiet ta’ negozju, filwaqt li 1,008 waslu f’pajjiżna permezz ta’ cruises.
Kienu t-turisti mir-Renju Unit li l-aktar li fittxew lil pajjiżna, bi 23,900, segwiti minn dawk mil-Italja, b’16,291, u minn Franza, b’12,010.
Il-maġġoranna tat-turisti kienu nisa, filwaqt li bħala etajiet l-aktar li fittxew lil pajjiżna kienu turisti bejn il-25 u l-44 sena.
F’Marzu ta’ din is-sena kien hemm kważi 79,000 turist li ġew Malta għall-ewwel darba, filwaqt li aktar minn 32,000 kienu turisti li għalihom kienet it-tieni darba jew aktar li żaru pajjiżna.