Il-Gvern ħabbar it-tisħiħ ta’ 3 skemi tal-Awtorità tad-Djar li l-għan tagħhom huwa li jwieżnu mill-piż tal-ispejjeż ta’ xogħlijiet jew tranġar ta’ residenzi okkupati minn sidien jew inkwilini.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata fost oħrajn mill-Ministru għall- Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes.
It-tliet skemi li se jaraw żieda fl-investiment huma skemi li jirrelataw ma’ xogħlijiet relatati ma’ strutturi perikolużi fi proprjetà privata li hija okkupata minn qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 minn inkwilini jew ċenswalisti, xogħlijiet ta’ ppjanar u titjib f’residenzi okkupati minn sidien jew inkwilini u xogħlijiiet ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabilità.
Għall-ewwel skema, jiġifieri dik relata ma’ xogħlijiet fuq strutturi perikolużi fi proprjetà privata li hija okkupata minn qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 minn inkwilini jew ċenswalisti, ġie spjegat kif applikant jista’ jibbenifika sa massimu ta’ €25,000 biex isiru xogħlijiet strutturali.
Fir-rigward tat-tieni skema favur xogħlijiet ta’ ppjanar u titjib f’residenzi okkupati minn sidien jew inkwilini, applikant jista’ jibbenefika sa massimu ta’ €21,000 biex iwettaq xogħlijiet strutturali. Taħt l-istess skema, applikant inkwilin jista’ jibbenefika sa massimu ta’ €15,000 biex jirranġa l-finishes, filwaqt li applikant li huwa sid ta’ proprjetà li tinkera jista’ jibbenifika sa massimu ta’ €6,000 biex iwettaq xogħlijiet strutturali.
Fir-rigward tal-aħħar skema favur titjib f’residenzi okkupati minn sidien jew inkwilini u xogħlijiiet ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabilità, persuna tista’ tibbenifika sa massimu ta’ €28,000. Fost il-bżonnijiet li jistgħu jiġu bżonn din l-iskema huma dawk għall-użu ta’ stairlift. Hawn persuna se tkun tista’ tibbenifika sa massimu ta’ €7,000. Dan ifisser li meta mqabbel mal-capping l-antik, f’dan il-każ, il-benefiċċjarji, individwalment se jaraw żieda ta’ 40%.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li, bħala Awtorità issa qegħdin iħarsu lejn sitwazzjoni fejn il-familji Maltin u Għawdxin ma jieqfux mal-punt li jaċċessaw is-suq tal-proprjetà, imma li, jagħmlu dan bi kwalità.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Roderick Galdes tenna li “din il-ħidma tkompli ssaħħaħ in-narrativa li l-unika forza fil-pajjiż li għandha l-kredibilita fis-settur tal-akkomodazzjoni huwa Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela,”