Malta Public Transport ħabbret żieda fil-frekwenzi tar-rotot tat-trasport pubbliku għaż-żjara tal-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku.
Fost l-oħrajn se jkun hemm ukoll servizzi speċjali f’Għawdex waqt il-vista tal-Qdusija Tiegħu l-Papa fil-gżejjer Maltin.
Din iż-żieda fil-frekwenza ser iseħħ is-Sibt bejn it-8:00 ta’ filgħodu u 12:00 u l-Ħadd bejn is-7:30 ta’ filgħodu u l-10:30 ta’ filgħodu, għall-karozzi tal-linja deħlin il-Belt Valletta, u bejn 12:00 u s-2:00 ta’ waranofsinhar, għall-karozzi tal-linja ħerġin mill-Belt Valletta. F’dawn il-ħinijiet, is-servizz tal-karozza tal-linja se jopera bi frekwenza skont l-iskeda tar-rotot ta’ matul il-ġimgħa.
Mill-Erbgħa 30 ta’ Marzu mid-9:00 ta’ filgħodu sal-Ħadd 3 ta’ April fit-8:30 filgħodu karozzi tal-linja deħlin il-Belt Valletta se jiefqu fi Triq Sant’Anna.
Mit-8:30 ta’ filgħodu sas-2:00 ta’ waranofsinhar karozzi tal-linja ġejjin mill-Pietà u mill-Marsa li jgħaddu minn Triq Diċembru Tlettax se jkunu ddevjati għal underpass fit-Triq Nazzjonali għaż-żona tal-Park and Ride u se joħorġu minn fejn l-Awtorità tal-Ippjanar minn Triq Sant’Anna u Triq l-Assedju l-Kbir.
Is-Sibt 2 ta’ April, ir-rotta 133 se tkun sospiża bejn id-9:00 ta’ filgħodu u n-12:30, filwaqt li r-rotot 150, X133 u 300 se jkunu sospiżi bejn it-3:30 u l-5 ta’ waranofsinhar.
Is-Sibt 2 ta’ April, f’Għawdex, bejn l-4:30 u s-7 ta’ filgħaxija, mhux se jkun hemm aċċess fir-Rabat u allura r-rotot 308, 309, 310, 311 u 312 mhux ser ikunu qed joperaw. Is-servizz tal-Park and Ride bejn il-ħeliport u t-terminal tal-vapur fl-Imġarr se jkun sospiż ukoll f’dan il-ħin.
Ir-rotta 308 se tkun ddevjata għall-pjazza tal-Għasri u mhux se tgħaddi minn Ta’ Pinu bejn l-10 u t-8 ta’ filgħaxija filwaqt li r-rotta 313, bejn il-ħin tal-4 u s-7 ta’ filgħaxija mir-Rabat għal ta’ Kerċem u lura se tkun qiegħda tiġi ddevjata mill-pjazza ta San Franġisk.
Ir-rotta 322 minn Marsalforn u r-rotot 303 u 323 mir-Rabat mhux se jgħaddu mill-waqfa ta’ fejn it-terminal tal-Imġarr bejn l-4:30 u s-7 ta’ filgħaxija.
Minflok, il-karozzi tal-linja se jiefqu quddiem il-knisja Tal-Patri u l-karozzi tal-linja se jitilqu skont l-iskeda tas-soltu mill-waqfa tal-Imġarr. Peress li mhux se jkun hemm aċċess minn Triq Santa Eliżabetta, ir-rotta 302 mir-Rabat sar-Ramla se tgħaddi minn Triq il-Mitħna.
F’Għawdex, is-Sibt, se jkun hemm servizz ta’ shuttle mill-Park and Ride tal-ħeliport fix-Xewkija sa’ Ta’ Pinu, kull għoxrin minuta bejn is-2 u l-4 ta’ waranofsinhar. Dan se jkun qed jirritorna lura lejn il-Park and Ride tal-ħeliport minn Ta’ Pinu bejn is-7 u t-8 ta’ filgħaxija.
Ir-rotot kollha ta’ tal-linja se jkunu qegħdin joperaw b’mod normali wara s-7 ta’ filgħaxija.
Malta Public Transport ħabbret ukoll li minħabba li ħafna mit-toroq se jkunu magħluqa, huwa mistenni li jkun hemm xi interruzzjonijiet fis-servizz u talbet lil passiġġiera biex jippjanaw il-vjaġġ tagħhom minn qabel.