Fl-ewwel ħdax il-xahar ta’ din is-sena ġew irraportati 332 każ ta’ vjolenza domestika fuq l-irġiel. Dan ifisser li din is-sena mistennija tkun l-aktar sena li fiha ġew irraportati każi ta’ vjolenza domestika fuq l-irġiel. Dan hekk kif kollox jindika li mistennija tinqabeż iċ-ċifra tas-sena l-oħra fejn ġew irrapurtati 133 każ.
Minn ċifri li kiseb ONE News mill-Korp tal-Pulizija, l-aktar każi komuni ta’ vjolenza domestika fuq l-irġiel irrapurtati din is-sena kienu dawk ta’ ġrieħi ħfief permezz ta’ forza fiżika, b’total ta’ 156 każ.Fl-aħħar ħames snin ġiet irreġistrata żieda b’mod gradwali fir-rapporti lill-Pulizija ta’ vjolenza domestika fuq l-irġiel.
B’kollox fl-aħħar għaxar snin ġew irraportati 2616 il-każ ta’ vjolenza domestika fuq l-irġiel li jammontaw għal 23% tal-każi kollha rrapurtati lill-Pulizja fuq vjolenza domestika.
Il-Kriminologu l-Professur Saviour Formosa jgħid li l-vjolenza domestika saret it-tielet l-aktar tip ta’ reat irrapurtat lill-Pulizija.
“L-irġiel jirraportaw kemm ‘slight body harm’ u kemm il-każijiet fiżiċi jiġifieri gravi. Jiġifieri l-irġiel jaslu jirrapyrtaw meta jintleħqu ċertu ‘tresholds’ ta’ vjolenza.”
Skond il-Professur Formosa ir-rapporti ta’ vjolenza domestika fuq l-irġiel ivarjaw ukoll skond l-etajiet.
“In-nisa l-aktar li jirrapurtaw huma ta’ bejn l-20 u d-39 sena u l-irġiel jirrapurtaw l-aktar ta’ anqas minn 19 il-sena u aktar minn 40 sena. Filfatt aktar ma jixjieħu aktar jirrapurtaw vjolenza domestika”
Fir-rapporti ta’ vjolenza domestika mal-Pulizija jidħol l-element ta’ mistħija l-aktar fost l-irġiel. Dan fost oħrajn għall-fatt li jkun hemm dubju jekk wieħed jitwemminx. Għalhekk mhux eskluż li jkun hemm ħafna każi li ma jiġux irrapurtati. Dan il-fenomenu hu msejjaħ ‘dark figure of crime’.
“Ġeneralment f’pajjiż tal-Punent 50% tal-każi qatt ma jiġu rrapurtati. Pero’ rridu nqisu li l-liġi Maltija tgħin lil dak li jkun biex jirraporta.”
Il-Kriminologu u lettur tal-Universita’ Saviour Formosa jgħid kif il-Korp tal-Pulizija għamel avvanzi kbar fil-mod ta’ kif jiġu trattati l-każi ta’ vjolenza domestika.
“Saru żviluppi kbar għal fejn għandek kif tiffaċja vittma, speċjalment tfal involuti f’dawn il-każi. Jiġifieri passi qed isiru u hemm taqsima apposta u nispettaw li dan il-kunċett ikompli jissaħħaħ,” temm jgħid il-Professur Formosa.