Il-vaganzi tas-sajf ikkontribwew sabiex it-traffiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jilħaq 798,453 moviment tal-passiġġieri x-xahar li għadda. Din iċ-ċifra ssarraf f’żieda ta’ 5.6% fuq l-istess xahar is-sena li għaddiet.
Tul ix-xahar ta’ Lulju, mit-terminal għaddew medja ta’ madwar 25,700 passiġġier fuq bażi ta’ kuljum. Din iċ-ċifra saħansitra tisboq in-numru ta’ abitanti tar-raħal f’Malta bl-akbar popolazzjoni; San Pawl il-Baħar.
Il-mitjar ukoll ra attività ma taqta’ xejn, bil-movimenti tal-ajruplani jirreġistraw żieda ta’ 4.5% sabiex sal-aħħar ta’ Lulju ġew irrekordjati aktar minn 5,000 tlugħ u nżul.
In-numru ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet operati lejn Malta żdied b’5.6%. Is-seat load factor (SLF) għax-xahar ta’ Lulju kien ta’ 87%, b’din il-metrika tagħti indikazzjoni tal-persentaġġ użat mill-kapaċità tal-ġarr totali tal-linji tal-ajru li joperaw minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
L-aktar li ġew turisti kien mir-Renju Unit (+3.9%), l-Italja (+1.5%), il-Ġermanja (+18.2%), Franza (+6.8%) u Spanja (+10.0%) kienu l-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għax-xahar ta’ Lulju.
Il-prestazzjoni ta’ dawn il-ħamest iswieq ir-riżultat parzjalment minn skeda mtejba għax-xhur tas-sajf, li introduċiet diversi rotot ġodda li jinkludu lil Cardiff, Exeter, Genoa, Verona, Lamezia u Perugia.
Żviluppi oħrajn li kkontribwew għat-tkabbir li rreġistraw dawn il-ħamest iswieq jinkludu l-estensjoni tar-rotot ta’ Leipzig, Berlin u Hamburg, u kapaċità miżjuda fuq diversi rotot eżistenti bħal Fiumicino f’Ruma, Lyon, Madrid, Valenzja u Bilbao.
Barra minn hekk, il-programm Cruise and Fly tal-ajruport ukoll ikkontribwixxa għall-prestazzjoni solida tar-Renju Unit u l-Ġermanja.