Filwaqt li n-nefqa soċjali kompli tiżdied minn sena għal sena, d-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali fl-aħħar tmien snin naqset drastikament. Statistika mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika uriet kif filwaqt li s-sena l-oħra n-nefqa soċjali qabżet il-biljun ewro, id-dipendenza soċjali mill-2013 sas-sena l-oħra rat tnaqqis ta’ iżjed min-nofs.
Dan hekk kif fl-2013, 9,241 ruħ kienu jgawdu mill-għajnuna soċjali tal-Gvern filwaqt li sas-sena l-oħra dawn naqsu għal 4,598 ruħ.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali, Mark Musù spjega kif iż-żieda fil-benefiċċji soċjali hija attribwita għal żieda fl-ammont mogħti f’benefiċċji differenti u l-introduzzjoni ta’ għajnuniet ġodda. Dan filwaqt li kien hemm tnaqqis konsistenti f’dawk li jiddependu fuq l-assistenza soċjali.
Qal, “Iż-żieda ta’ kważi 79 miljun ewro f’infiq fuq benefiċċji soċjali fl-2020 kienet attribwita prinċipalment għal żieda li kien hemm fil-pensjonijiet u l-benefiċċji kontributorji u għalhekk b’mod partikolari ż-żieda fil-pensjonijiet tal-irtirar u l-pensjoni tar-romol. Kellek ukoll żidiet f’benefiċċji oħrajn permezz ta’ miżuri oħrajn li ddaħħlu, żidied fic-children’s allowance, żidied fl-inwork benefit, żidied fl-għajnuna supplimentari, jiġifieri hawnhekk ukoll kien hemm żidied fin-nefqa.”
Ġie nnutat ukoll kif il-benefiċċjarji tat-tnaqqis gradwali tal-benefiċċju tal-qgħad żdied minn 588 ruħ fl-2014 għal iżjed minn elfejn ruħ is-sena l-oħra.
Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika turi kif in-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali qabżet il-biljun ewro u kienet disgħa u sebgħin miljun ewro aktar mis-sena ta’ qabel.
L-istatistika kompliet turi kif in-nefqa fuq benefiċċji kontributoriji bħall-pensjonijiet kienet tammonta għal ftit aktar minn tmienja u sebgħin miljun ewro b’erbatax-il miljun u nofs ewro minnhom kienu allokati għall-benefiċċji marbuta mal-imxija.
Iż-żieda annwali fil-pensjonijiet tidher ukoll fl-istatistika b’żieda ta’ 8.3% fuq in-nefqa tal-Gvern fil-benefiċċji kontributorji.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon stqarr kif din hija prova ċara li r-riċetta ta’ dan il-Gvern xprunata mir-ruħ soċjali tiegħu f’dan il-qasam qed tkun ta’ suċċess.
Spjega, “Illum aktar minn qatt qabel nistgħu nitkellmu b’wiċċna minn quddiem, mhux biss li għamilna nefqa rekord, imma li konna hemm għan-nies. Illi l-fiduċja li tawna n-nies, aħna żammejna kelmtna u tajniha lura. Illi n-nefqa fuq is-soċjal qatt ma’ hi żejda. Illi li tagħti aktar drittijiet huma importanti. Illi ddaħħal benefiċċji ġodda kif għamilna huwa importanti.”