Matul is-sena l-oħra, in-nefqa tal-Gvern fil-benefiċċji soċjali żdiedet bi kważi tlieta u tletin miljun ewro (€32.7 miljun).
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO spjegat li fl-elfejn u dsatax, in-nefqa fis-sigurtà soċjali laħqet qrib il-biljun ewro (€997.9 miljun).
Din fissret żieda ta’ 3.4% fuq is-sena ta’ qabel.
Iż-żieda fin-nefqa ġiet irreġistrata kemm fil-benefiċċji kontributorji u anki dawk mhux kontributorji iżda l-akbar nefqa kienet f’dawk kontributorji.
In-nefqa fil-benefiċċji kontrobutorji ammontat għal kważi tmien mija u ħdax-il miljun ewro (€810.9 miljun), ftit aktar minn erbgħa fil-mija (4.1%) aktar mis-sena ta’ qabel.
L-NSO spjega li ż-żieda ġiet primarjament miż-żieda fil-pensjonijiet.
Fil-fatt b’ħames żidiet li ta Gvern Laburista fil-pensjonijiet, matul is-sena l-oħra, in-nefqa fil-pensjonijiet żdiedet b’sebgħa u għoxrin miljun u ħames mitt elf ewro.
Kien hemm anki żidiet important fil-bonus kontrobutorju (€2.6 miljun aktar) u l-pensjoni tar-romol (€2.5 miljun aktar).
In-nefqa fil-benefiċċji soċjali mhux kontributorji ammontat bi ftit aktar minn mija u sebgħa u tmenin miljun ewro (€187.1 miljun).
Fost l-oħrajn żdiedet l-għajnuna soċjali tad-diżabilità (€2.7 miljun aktar), l-in work benefit li gradwalment jibqa’ jagħti l-benefiċċju tal-qgħad għal dawk li jidħlu fid-dinja tax-xogħol (€0.7 miljun aktar) u anki ċ-children’s allowance u l-għajnuna medika (€0.2 miljun aktar kull wieħed).
Intant l-akbar numru ta’ nies li rċievew il-benefiċċji kontributorji kienu l-pensjonanti filwaqt li dawk li rċievew il-benefiċċji mhux kontributorji kienu l-familji għaċ-children’s allowance.