FʼOttubru li għadda, l-Indiċi tal-Produzzjoni Industrijali żdied bʼwieħed punt disgħa fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar fl-2022.
L-Indiċi tal-Produzzjoni Industrijali hu l-indikatur taċ-ċiklu tan-negozju u, kull xahar, jieħu qies bikri tat-tibdil fil-volum tal-produzzjoni industrijali tan-negozji domestiċi fil-manifattura, l-enerġija u l-barrieri fʼpajjiżna.
L-akbar żieda kienet irreġistrata fil-produzzjoni ta’ prodotti kimiċi u tal-farmaċewtika b’sitta u għoxrin punt tnejn fil-mija, segwita mill-produzzjoni taʼ prodotti tal-ikel u x-xorb u dik taʼ manifattura oħra.
Min-naħa l-oħra, naqset, fost oħrajn, il-produzzjoni taʼ prodotti tal-kompjuters, tal-elettronika, vetturi bil-mutur, tal-plastik, tal-injam u tal-karta.
FʼOttubru tal-2023, il-produzzjoni tal-enerġija u tal-oġġetti tal-konsum żdiedu bi tmienja punt tlieta fil-mija u sitta punt wieħed fil-mija rispettivament.